Deċiżjoni li l-pazjenti tal-Isptar Monte Karmeli jiġu trasferiti għal faċilità alternattiva f’Villa Anna Teresa f’San Ġiljan qajmet kontroversja wara lmenti li din tal-aħħar mhix mgħammra b’mod adegwat għal dan l-iskop. It-twissija ngħatat mill-unjin tal-infermiera (MUMN) kif ukoll ntemmu mill-health care class, allied professionals u spiżjara li huma membri tal-UHM Voice of the Workers. L-MUMN ippreżentat lista twila ta’ nuqqasijiet li qalu li jridu jiġu indirizzati b’urġenza biex tkun ipperikolata l-kwalità tas-servizz.

Xi wħud min-nuqqasijiet jinkludu nuqqas ta’ kmamar tat-trattament u tal-infermiera f’kull sular kif ukoll kmamar ta’ iżolament għal każijiet estremi. Barra minn hekk, tqajjem tħassib dwar il-livell ta’ sigurtà għall-pazjenti, fosthom li l-għamara eżistenti u l-aċċessorji tal-kamra tal-banju mhumiex hekk imsejħa anti-ligature – it-terminu użat għal oġġetti maħsuba biex jipprevjenu lill-pazjenti milli jużawhom biex jagħmlu ħsara lilhom infushom. Kwistjonijiet oħramqajma, jikkonċernaw l-aperturi tal-ħġieġ li mhumiex apposta (shatterproof) u li l-ħitan interni mhumiex adattati għal faċilità tas-saħħa mentali peress li huma magħmula tal-gypsum. Ġew proposti wkoll miżuri biex l-ispazji ta’ barra jsiru sikuri u biex jiġi evitat l-użu ħażin tas-sockets tal-elettriku u l-kaxxi tal-fuses fil-kmamar. Ġie indikat ukoll in-nuqqas ta’ ħażna mediċini u fridges, u tagħmir tat-trasport xieraq.

Apparti l-kwistjonijiet strutturali, Voice of the Workers Weekly irċeviet ukoll ilmenti li l-pazjenti qed jidħlu fi spejjeż żejda, hekk kif mill-mument tad-dħul tagħhom f’Villa Anna Teresa, 80% tal-pensjoni tagħhom qed titnaqqas bħallikieku kienu f’dar għal l-anzjani.

Sorsi staqsew dwar il-livell ta’ taħriġ tal-impjegati f’din il-faċilità alternattiva, u qalu li kien hemm diversi każijiet fejn pazjenti li qed ikollhom problemi serji kienu qed jintbagħtu lura l-Isptar Monte Karmeli.

Ikkuntattjat minn dan il-portal, il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela saħaq li l-istigma madwar is-saħħa mentali kienet fil-biċċa l-kbira minħabba l-istat tal-Isptar Monte Karmeli nnifsu. Żied jgħid li l-ministeru kien imħasseb serjament bir-rapporti dwar l-istat  ħażin tal-isptar u n-nuqqasijiet serji ta’ saħħa u sigurtà mqajma minn diversi rapporti li saru mill-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi u l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

Konsegwentement, ir-rilokazzjoni ta’ pazjenti u impjegati hi xi ħaġa  imminenti u kwistjoni ta’ prijorità kritika, qal il-ministru.

Għalhekk, il-Ministeru bl-għajnuna tad-Dipartiment tal-Kuntratti, qed jipproċedi bl-aġġudikazzjoni ta’ tender ma’ Casal Nuovo ta’ Raħal Ġdid. Madankollu, dan mhux biżżejjed biex jissodisfa d-domanda kritika u urġenti. Għalhekk, il-ministeru qal li kien avviċina l-uniku post alternattiv li hu liċenzjat, jiġifieri Villa Anna Teresa. Il-Ministru Jo Etienne Abela irrimarka li l-maniġment tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali (MHS) jinsabu f’negozjati ma’ din il-faċilità, liema negozjati jinkludu l-finanzi iżda aktar importanti miżuri biex din il-faċilità kemm jista’ jkun tkun sigura kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-impjegati.

Fit-tweġiba tiegħu, il-ministru appella lill-UHM biex timpenja ruħha mas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, biex tiżgura li l-membri tagħha u t-tħassib tagħhom ikunu rappreżentati tajjeb.

Dwar l-ilmenti li xi pazjenti kienu qed jitnaqqsu 80% tal-pensjonijiet tagħhom mir-rilokazzjoni tagħhom f’Villa Anna Teresa, il-ministru tas-saħħa kien pjuttost evażiv.

Huwa nnota li f’dawk il-każijiet fejn hemm l-involviment tar-Re San Vinċenz De Paul f’dawn ir-rilokazzjonijiet, kienu għaddejjin evalwazzjonijiet mediċi dettaljati ta’ kull pazjent f’Monte Karmeli u, bħal f’eżerċizzji simili tal-passat, dawn il-valutazzjonijiet jidentifikaw pazjenti li huma aktar adattati biex jingħataw kura f’ambjent ta’ dar tal-anzjani aktar milli f’istituzzjoni psikjatrika.

Jo Etienne Abela qal li bħala ministru l-mandat tiegħu kien li ttaffi “b’ħeffa iżda mhux għaġġla żejda” l-istigma tal-pazjenti tas-saħħa mentali  kif ukoll l-aspett infrastrutturali tal-isptar.

“Mhijiex fil-kompetenza tiegħi li nneħħi termini kuntrattwali, liċenzjar jew parametri strutturali, jew valutazzjonijiet psikjatriċi. Għandi fiduċja fit-tmexxija tal-MHS u għal darb’oħra nħeġġeġ lill-UHM u lill-unjins kollha biex jimpenjaw ruħhom magħhom b’mod sinifikanti u produttiv”.

Sadattant, mistoqsijiet mibgħuta lill-Kap Eżekuttiv tal-MHS Stephanie Xuereb ma ġewx imwieġba sal-ħin li nkitbet din l-istorja.