Hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u tal-Parlament Ewropew, għandna nżommu f’moħħna d-dritt demokratiku fundamentali tal-vot – dritt li ħafna ġġieldu bis-sħiħ biex jiżguraw u li rridu neżerċitaw kemm bi kburija kif ukoll b’responsabbiltà. Dawn l-elezzjonijiet mhumiex biss formalità proċedurali; huma opportunità importanti biex insawru l-futur tal-komunità tagħna u r-rappreżentanza tagħna fix-xena Ewropea. Madankollu, hekk kif ninsabu fl-aħħar jiem tal-kampanja, huwa essenzjali li nirriflettu kemm fuq il-proċess kif ukoll fuq in-narrattiva li kkaratterizzat dan il-perjodu elettorali.

Fil-qalba ta’ dan l-eżerċizzju elettorali hemm deċiżjoni kruċjali: min hu l-aħjar attrezzat biex jirrappreżenta lil Malta fil-Parlament Ewropew u fil-kunsilli lokali? B’sitt Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) biss li jirrappreżentaw lil Malta, kull vot għandu piż sinifikanti. Il-MPE tagħna għandhom id-dmir li jħarsu l-interessi ta’ Malta fuq livell Ewropew. Għalhekk, huwa b’dispjaċir li wieħed josserva li l-kampanja fil-biċċa l-kbira daħlet fi kwistjonijiet trivjali, filwaqt li ttraskurat id-diskussjonijiet meħtieġa dwar kif dawn ir-rappreżentanti se jappoġġjaw lil Malta fuq kwistjonijiet ta’ politika ekonomika, ħarsien ambjentali u ġustizzja soċjali.

Ir-rwol tal-kunsilli lokali tagħna huwa daqstant ieħor sinifikanti, peress li huma l-aktar qrib l-isfidi ta’ kuljum tar-residenti. Governanza lokali effettiva tista’ ttejjeb il-ħajja tal-komunità b’ħafna modi, mit-titjib tas-servizzi pubbliċi sat-trawwim tal-koeżjoni soċjali. Madankollu, il-kampanja attwali ħafna drabi ħarbet minn dawn l-aspetti importanti, u iffokat fuq is-sensazzjonaliżmu.

Barra minn hekk, il-kampanja elettorali sfortunatament ġiet imtappna minn dik li tista’ tiġi deskritta bħala bonanza tal-gvern. Dan f’tentattiv biex jiġbdu votanti diżillużi u jikkuntentaw lil dawk li tradizzjonalment qiesu l-politika bħala mezza għall-gwadann personali. Eżerċizzju bħal  dan mhux biss idgħajjef l-integrità tal-proċess elettorali iżda jonqos ukoll milli jindirizza l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet fit-tul taċ-ċittadini tagħna.

Huwa kruċjali li nżommu f’moħħna li nhar it-Tnejn 10 ta’ Ġunju, meta l-elezzjonijiet ikunu saru parti mill-istorja, ser ikollna niffaċċjaw għal darb’oħra r-realtajiet u l-isfidi li donnhom twarrbu biex jagħmlu wisa’ għall-ferneżija elettorali. Kwistjonijiet bħas-sostenibbiltà ekonomika, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni ambjentali se jerġgħu jitfaċċaw, u jitolbu l-attenzjoni u l-azzjoni kollettiva tagħna. Il-problemi li fl-aħħar ġimgħat integħu taħt it-tapit  se jerġgħu jitfaċċaw, u l-kwalità tar-rappreżentanti eletti tagħna se tinfluwenza b’mod sinifikanti kemm nistgħu nindirizzawhom b’mod effettiv.

Għalhekk, ejjew niftakru l-essenza vera tal-vot tagħna. Hija għodda għall-bidla, mezz biex jintgħażlu lil dawk li ġenwinament għandhom il-kompetenza, l-impenn, u l-viżjoni biex iwassluna lejn futur aħjar. Irridu nħarsu lil hinn minn dak superfiċjali u immedjat, niflu it-track record tal-kandidati, il-pjanijiet tagħhom, u l-kapaċità li jikkollaboraw kemm fuq livell lokali kif ukoll Ewropew.

L-elezzjonijiet li ġejjin huma mument kruċjali għal Malta. Huma opportunità biex nikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħna għad-demokrazija u biex nagħżlu mexxejja li jirrappreżentaw l-interessi tagħna b’mod responsabbli u effettiv. Ejjew nivvutaw bil-għaqal, b’ħarsa lejn il-ġid dejjiemi ta’ pajjiżna, u ma nħarsux biss lejn l-immedjat. Il-futur tagħna jiddependi minn dan il-vot.