L-użu tat-teknoloġija fl-immaniġġjar tat-traffiku
Dan l-aħħar proposta biex tkun introdotta l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) biex timmaniġġja t-traffiku qajmet dibattitu ħaj. Filwaqt li l-benefiċċji potenzjali huma ta’ min jikkunsidrahom, huwa kruċjali li nirriflettu fuq il-wegħdiet li saru seba’ snin ilu dwar l-implimentazzjoni ta’ sinjali tat-traffiku ‘intelliġenti’. Dawn is-sinjali kienu maħsuba biex jirrevoluzzjonaw il-mod kif is-sewwieqa jirċievu informazzjoni f’ħin reali, bl-iskop li u t-traffiku jimxi aħjar u mod aktar effiċjenti. Madankollu, minkejja li t-tabelli kienu saru, il-flus investiti, u l-kameras installati, ma sar xejn aktar.
Il-falliment ta’ dawn is-sinjali tat-traffiku intelliġenti huwa sintomatiku ta’ kwistjoni akbar – in-nuqqas ta’ impenn biex dak li kien ġie mwiegħed fl-infrastruttura tat-trasport, jitwettaq. L-introduzzjoni tat-teknoloġija kienet maħsuba biex ittaffi l-isfidi ta’ kuljum li jiffaċċjaw is-sewwieq, billi twassal informazzjoni diretta biex jekk hemm bżonn jibdlu r-rotta u jevitaw zoni fejn hemm staġnar jew xi inċident.
Għaddew seba’ snin, u għadna nħabbtu wiċċna mal-istess problemi tat-traffiku, b’wegħdiet li ma twettqux u b’investimenti li donnhom sfaxxaw fix-xejn. In-nuqqas ta’ progress fit-tibdil ta’ dawn is-sinjali f’sistemi intelliġenti jqajjem mistoqsijiet dwar l-effiċjenza u r-responsabbiltà tal-istrateġiji tagħna ta’ ppjanar u żvilupp urban.
Sadanittant, is-sewwieqa qed jirrikorru għal mezzi alternattivi, bħal Google Maps għal informazzjoni aġġornata dwar it-traffiku. Madankollu, din il-soluzzjoni tista’ tiswik qares u fiha r-riskji tagħa. L-użu tal-mowbajl waqt li tkun wieqaf fit-traffiku jista’ jwassal għal riperkussjonijiet legali, peress li dan hu projbit bil-liġi. Għalhekk, l-istess għodod li huma maħsuba biex jassistu lis-sewwieqa jispiċċaw ipoġġuhom f’riskju li jibilgħu xi ċitazzjoni.
Wasal iż-żmien li l-awtoritajiet jieħdu kont tas-sitwazzjoni u jagħtu prijorità lill-użu effettiv tal-infrastruttura eżistenti. In-nuqqas li jiġu kapitalizzati l-investimenti li saru f’sinjali tat-traffiku intelliġenti mhux biss ifisser servizz ħażin lill-pubbliku iżda wkoll ħela ta’ riżorsi. Qabel ma nibdew nesploraw l-użu tal-AI, tajjeb li nindirizzaw in-nuqqasijiet tas-sistemi attwali tagħna.
L-ewwel pass jinsab fit-twettiq tal-wegħdiet tal-passat. Is-sinjali tat-traffiku intelliġenti għandhom jitħaddmu kif imwiegħed, jipprovdu informazzjoni f’ħin reali lis-sewwieqa u jħaffu l-konġestjoni tat-traffiku. Fl-istess ħin, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jadottaw approċċ pragmatiku meta jiġu biex jippenalizzaw individwi li jużaw apps tan-navigazzjoni waqt li jkunu weqfin fit-traffiku. Il-penalizzazzjoni tal-individwi talli jippruvaw joħorġu mil-kaos jikkontradixxi l-iskop stess tal-integrazzjoni tat-teknoloġija għall-ġestjoni tat-traffiku.
Wasal iż-żmien li dak li ġie mwiegħed snin ilu jitwettaq.