Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tappella lill-Kunsill Ewropew biex jaqbel li jibda l-proċess biex jiġu riveduti t-Trattati tal-UE. Fid-dawl tal-firxa ta’ kriżijiet attwali u reċenti, il-MPE użaw il-prerogattiva tagħhom biex jitolbu li t-Trattati jinbidlu permezz ta’:

  • riforma tal-proċeduri ta’ votazzjoni fil-Kunsill biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li taġixxi, inkluż il-bidla minn votazzjoni b’unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, f’oqsma bħas-sanzjonijiet, l-hekk imsejħa klawżola passerelle, u f’emerġenzi;
  • adattament tas-setgħat tal-UE, speċjalment fl-oqsma tas-saħħa u t-theddid transkonfini għas-saħħa, fit-tlestija tal-unjoni tal-enerġija bbażata fuq l-effiċjenza u s-sorsi rinnovabbli f’konformità mal-ftehimiet internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, fid-difiża, u fil-politiki soċjali u ekonomiċi;
  • l-iżgurar li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġi implimentat bis-sħiħ u l-inkorporar tal-progress soċjali, marbut ma’ Protokoll dwar il-Progress Soċjali, fit-Trattati;
  • it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE, b’attenzjoni speċjali mogħtija lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-kontrolli tal-kompetittività, u l-promozzjoni ta’ investimenti ffukati fuq it-tranżizzjonijiet ġusti, ekoloġiċi u diġitali;
  • il-Parlament jingħata d-dritt li jibda, jemenda jew jirrevoka leġiżlazzjoni, u bi drittijiet sħaħ bħala koleġiżlatur dwar il-baġit tal-UE; u
  • it-tisħiħ tal-proċedura għall-protezzjoni tal-valuri fundaturi tal-UE u l-kjarifika tad-determinazzjoni u l-konsegwenzi tal-ksur tal-provvedimenti (l-Artikolu 7 tat-TUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).


Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata bi 355 vot favur, 154 kontra u 48 astensjoni, wara dibattitu aktar kmieni fl-istess jum.

Il-passi li jmiss

Ser ikun f’idejn il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tas-27 Stat Membru fil-Kunsill Ewropew li jiddeċiedu li jistabbilixxu Konvenzjoni, b’maġġoranza sempliċi. Ħafna MPE appellaw biex dan iseħħ mal-ewwel opportunità, jiġifieri matul is-summit tal-UE fit-23–24 ta’ Ġunju, biex jiġi żgurat li l-aspettattivi taċ-ċittadini jintlaħqu u li l-eżitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa jintuża tajjeb kemm jista’ jkun u malajr. Il-Konvenzjoni għandha tinkludi MPE, Kummissarji, MPs mill-Istati Membri, u mexxejja tal-UE.

Sfond

Fid-9 ta’ Mejju fi Strasburgu, il-President tal-PE Roberta Metsola, il-President Franċiż Emmanuel Macron f’isem il-Presidenza tal-Kunsill, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen irċevew ir-rapport finali mingħand il-Kopresidenti tal-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza. Dan jinkludi 49 proposta li jinkludu aktar minn 300 miżura f’disa’ temi, ibbażati fuq 178 rakkomandazzjoni mill-Panels taċ-Ċittadini Ewropej, kontribut mill-Panels u l-avvenimenti Nazzjonali, ideat mill-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ, u 43 734 kontribuzzjoni dwar 16 274 idea rreġistrati fuq il-pjattaforma diġitali multilingwi