L-ebda balanced budget qabel l-2027, dejn ogħla fl-għaxar snin li ġejjin
Id-dejn nazzjonali ta’ Malta se jibqa’ ‘l fuq mil-livell li kien qabel il-pandemija għall-għaxar snin li ġejjin filwaqt li qabel l-2027 mhux se jkun hemm balanced budget, il-Bank Ċentrali ta’ Malta sostna.
Dan it-tbassir kien preżentat fir-rapport annwali tal-2021 li kien jinkludi analiżi dettaljata dwar is-sostenibbiltà tad-dejn ta’ Malta billi kienu kunsidrati żewġ xenarji differenti. Għalkemm il-proporzjon tad-dejn mal-PGD mhux mistenni li jaqbad it-triq li jisplodi, xorta waħda jista’ jkun hemm dan ir-riskju f’perijodi twal fejn ikun hemm defiċit flimkien ma’ xokk fit-tkabbir ekonomiku. Jirriżulta li l-proporzjon tad-dejn se tibqa’ ogħla minn dak fl-2019 għall-inqas sal-2031 iżda dan jiddependi wkoll fuq ir-rata tal-irkupru ekonomiku u l-konsolidament fiskali ta’ Malta. Il-possibbiltà ta’ miżuri addizzjonali tal-Covid-19, sussidji fuq l-ispejjeż tal-enerġija, il-gwerra fl-Ukrajna, l-għajnuna mill-Istat lill-Air Malta u r-riforma tal-kera se jkollhom effett kbir fuq dan kollu.
Xenarju 1
F’dan ix-xenarju l-miri tad-defiċit fiskali sal-2024 isegwu t-tbassir tal-Bank Ċentrali u miżuri addizzjonali ta’ konsolidament jiġu implimentati bejn l-2025 u l-2027. Dawn iwassal biex sal-2027 ikun hemm balanced budget u surplus żgħir fis-snin ta’ wara. Fuq il-bażi ta’ dan kollu u jekk ikun eskluż l-impatt ta’ kwalunkwe xokk ekonomiku, id-dejn tal-gvern mistenni jilħaq l-ogħla livell fl-2024 qabel ma jonqos għal madwar 47% tal-PDG sal-2031.
Xenarju 2
F’dan ix-xenarju il-konsolidament fiskali mhix se jkun segwit b’mod daqshekk aggressiv, u tiġi adottata pożizzjoni fiskali aktar laxka. Jekk tali mudell ikun segwit, il-proporzjon tad-dejn jista’ jilħaq ftit inqas minn 65% sal-2027 u jibqa’ ġeneralment stabbli minn hemm ’il quddiem. Barra minn hekk, peress li l-gvern ikollu defiċit kull sena, il-proporzjon tad-dejn ikun mistenni li jitla’ 73% sal-2031.
Riskji possibbli
Fl-analiżi tiegħu l-Bank Ċentrali jiddeskrivi diversi kwistjonijiet li jista’ jkollhom effett fuq id-dejn ta’ Malta fl-għaxar snin li ġejjin. Dawn jinkludu miżuri ulterjuri possibbli biex jappoġġjaw lill-industrija tirkupra mill-pandemija u tittaffa ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-fuel. F’dan ir-rigward, il-ministru tal-finanzi diġà ħabbar li €200 miljun allokati għal din is-sena biex il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu stabbli intużaw, li jfisser li l-ispiża globali se tkun ferm ogħla milli mistenni.
Theddidiet oħra possibbli huma s-sitwazzjoni fl-Air Malta fejn il-gvern qed jitlob l-approvazzjoni ta’ Brussell biex jissussidja aktar flus mill-kaxxa ta’ Malta f’attentat biex isalva l-linja nazzjonali tal-ajru.
Ir-rapport jirreferi wkoll għar-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 li se taffettwa sa 10,000 dar. Taħt din ir-riforma l-gvern se jkun qed iħallas għal kull spiża addizzjonali li jista’ jkollu r-inkwilin jekk iż-żieda fil-kera taqbeż 25% tad-dħul tagħhom, u fil-każ tal-anzjani u dawk fuq l-assistenza soċjali il-gvern se jassorbi ż-żieda kollha. Peress li kwalunkwe żieda fil-kera trid tiġi determinata mill-Bord tal-Kera, l-impatt fiskali ta’ din ir-riforma ma jistax jiġi aċċertat fil-preżent.
Riskji oħra possibbli li jissemmew fir-rapport jinkludu l-bidla fir-reġim tat-taxxa korporattiva ta’ Malta bħala parti minn proċess ta’ simplifikazzjoni madwar l-UE kollha u l-possibbiltà ta’ miżuri ġodda tal-UE biex jinġabru aktar fondi biex ikopru n-nefqa straordinarja li qed issir biex jitwettaq il-programm ta’ rkupru ekonomiku mill-pandemija.