Servizzi bankarji essenzjali
Kollox beda mal-bidu tal-millennju meta r-rati tal-imgħax tal-banek bdew jonqsu sew sakemm prattikament sparixxew. Qatt ma kien hemm żmien meta min kellu l-flus il-bank qala’ daqshekk ftit. Spiċċajna f’sitwazzjoni li l-unika raġuni biex ma żżommx il-flus taħt il-maduma d-dar hija s-sigurtà jew biex tevita li tiġi fl-inkwiet dwar minn fejn ikunu ġew dawn il-flus. Biss, ma waqgħetx id-dinja għax wara kollox, l-investituri tefgħu ħarsithom fuq stokks, ishma u bonds.
Madankollu, dak li ġara wara ħalla togħma morra jekk mhux sensazzjoni ta’ tradiment. Dan fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar snin is-servizzi bankarji essenzjali bdew jiġu mhedda dejjem aktar. Dan kien ir-riżultat ta’ strateġija li biha l-banek imbarkaw fuq eżerċizzju ta’ “ristrutturar” li wassal għal għeluq ta’ fergħat, żieda fil-burokrazija kif ukoll firxa ta’ tariffi ġodda. Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, il-banek jidhru li ddeċidew li jittrattaw il-klijenti daqs li kieku kienu kriminali. Għalhekk, anke l-aktar servizzi bażiċi bħall-ftuħ ta’ kont ġdid saru xi ħaġa tal-biżgħa. Dan kollu laqat ħażin ukoll lill-għaqdiet volontarji u lin-negozji ż-żgħar, li qed ikunu mistennija jamministraw l-entità rispettiva tagħhom fuq il-linji ta’ kumpanija multinazzjonali kbira.
Ironikament, il-banek ċentrali u l-istituzzjonijiet finanzjarji qatt ma kienu jiddependu daqshekk fuq is-servizzi bankarji. Dan wassal għal sitwazzjoni assurda fejn il-fergħat tal-banek saru xi ħaġa tal-passat f’mument meta sar prattikament impossibbli li wieħed jgħaddi mingħajr kont bankarju. Jidher li l-klijenti huma dawk li jħallsu l-aktar prezz qares ta’ dan kollu. Barra minn hekk, il-pandemija tal-Covid-19 tidher li aċċellerat dan il-proċess peress li llum il-ġurnata f’partijiet kbar tal-Gżira Maltija m’hemmx banek. F’Għawdex, l-uniċi banek li fadal huma kollha kkonċentrati fir-Rabat, filwaqt li fit-tramuntana ta’ Malta, il-klijenti tal-HSBC u tal-BOV m’għandhomx għażla oħra ħlief li jmorru l-Mosta. Għalkemm il-klijenti kienu ġew imwiegħda li se jkunu moqdija permezz tal-ATMs, meta dawn ikunu bil-ħsara il-klijenti qed jitħallew lampa stampa.
Diffiċli temmen li fl-2022, ikun hemm kjuwijiet twal barra l-banek bħallikieku qed ngħixu fi żmien il-great depression tas-snin tletin. Xi ħaġa hija fundamentalment ħażina. Hija wkoll kwistjoni ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva. Il-qagħda u t-tiġrib li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-klijenti tal-banek qed jitqajmu wkoll fuq livell politiku, b’diversi Membri Parlamentari li qed jitkellmu fuq din is-sitwazzjoni inaċċettabbli.
Il-banek m’humiex qed joperaw bla kontrolli ta’ jew jew b’impunità peress li huma jaqgħu taħt ir-regolaturi. Ix-xenarju attwali jitlob xi tip ta’ intervent, fil-livell ta’ gvern jew mir-regolatur sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet bankarji fundamentali bażiċi. Jeħtieġ li jkun hemm garanziji li s-servizzi wiċċ imb’wiċċ jibqgħu parti integrali. Għalkemm m’hemm xejn ħażin fil-promozzjoni ta’ servizzi awtomatizzati u bbażati fuq l-internet, dan m’għandux iseħħ għad-detriment tas-servizzi tradizzjonali. Jekk ikun hemm bżonn, banek ta’ ċertu daqs, jew dawk li jkunu f’pożizzjoni dominanti, iridu jkunu obbligati li jkollhom numru minimu ta’ fergħat. Jekk le nirriskjaw li jkollna settur tas-soċjetà tagħna mċaħħad minn servizz essenzjali bġal dan.