Roberta Metsola eletta President tal-Parlament Ewropew
Roberta Metsola ġiet eletta President tal-Parlament Ewropew sal-2024, wara li kisbet maġġoranza assoluta ta’ 458 vot minn 690 fl-ewwel round tal-votazzjoni sigrieta u remota. Hija issa ser tmexxi l-PE fit-tieni nofs ta’ din il-leġiżlatura, sakemm jinħatar Parlament ġdid wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024.Il-President Metsola hija l-ewwel Maltija li tokkupa wieħed mill-ogħla ħames postijiet fl-Unjoni Ewropea. Hija wkoll l-iżgħar president li l-Parlament Ewropew qatt kellu.
Riżultat tal-votazzjoni
- Roberta Metsola (EPP, MT) 458
- Alice Bah Kuhnke (Greens/EFA, SE) 101
- Sira Rego (The Left, ES) 57
- Total tal-voti mitfugħa: 690
- Voti vojta jew invalidi: 74
- Maġġoranza assoluta meħtieġa: 309
Kosma Złotowski (ECR, PL) irtira l-kandidatura tiegħu, biex b’hekk in-numru ta’ kandidati niżel għal tlieta.
Meta indirizzat il-Kamra immedjatament wara li ġiet eletta, il-President Metsola irringrazzjat lill-MPE għall-kunfidenza tagħhom u qalet:
“L-ewwel ħaġa li nixtieq nagħmel bħala President hija li naħseb dwar il-wirt ta’ David Sassoli: kien qalbieni; huwa ġġieled għall-Ewropa u għalina, għal dan il-Parlament. […] Ser nonora lil David Sassoli bħala President billi dejjem niddefendi lill-Ewropa, għall-valuri komuni tagħna tad-demokrazija, id-dinjità, il-ġustizzja, is-solidarjetà, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, u d-drittijiet fundamentali”.
“Irrid li n-nies jerġgħu jiksbu sens ta’ twemmin u entużjażmu għall-proġett tagħna. […] Għeżież Ewropej, fis-snin li ġejjin, nies madwar l-Ewropa ser iħarsu lejn l-istituzzjoni tagħna għat-tmexxija u d-direzzjoni, filwaqt li oħrajn ser ikomplu jittestjaw il-limiti tal-valuri demokratiċi u l-prinċipji Ewropej tagħna. Irridu niġġieldu n-narrattiva kontra l-UE li qed tinxtered daqshekk malajr u b’mod daqshekk faċli. Id-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni, amplifikati aktar matul il-pandemija, jixprunaw iċ-ċiniżmu faċli u soluzzjonijiet li m’humiex ta’ nazzjonaliżmu, awtoritarjaniżmu, protezzjoniżmu, iżolament”, żiedet tgħid.
Il-President Metsola enfasizzat li “l-Ewropa hija preċiżament l-oppost. Dan ifisser li lkoll kemm aħna niddefendu lil xulxin, u nqarrbu lin-nies tagħna lejn xulxin. Aħna lkoll niddefendu dawk l-prinċipji li l-ommijiet u l-missirijiet fundaturi tagħna ħarġuna mill-irmied tal-gwerra u l-olokawst sal-paċi, it-tama, u l-prosperità. Tnejn u għoxrin sena ilu, Nicole Fontaine ġiet eletta bġala l-President, 20 sena wara Simone Veil. Mhux se jgħaddu 20 sena oħra sakemm ikun hawn mara oħra hawnhekk”, il-President Metsola qalet.
Verżjoni sħiħa tal-indirizz tal-President hija disponibbli hawn.
Dwar il-President tal-Parlament
Il-President igawdi minn firxa wiesgħa ta’ setgħat eżekuttivi u rappreżentattivi li huma stabbiliti fir-Regola 22. Apparti minn dawn id-doveri, l-awtorità tal-President testendi “għas-setgħat kollha li huma meħtieġa sabiex jippresjedi l-proċedimenti tal-Parlament u sabiex jiżgura li dawn jitmexxew kif għandu jkun”. Id-deċiżjonijiet li ppermettew it-tkomplija tal-ħidmiet tal-Parlament sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 huma eżempju ċar ta’ dan.
L-Artiklu 14 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li l-Parlament jeleġġi l-President fost l-Istati Membri. Mill-ewwel elezzjonijiet Ewropej permezz tas-sufraġġ univerali fl-1979, kull President jokkupa l-post għal perijodu ta’ sentejn u nofs li jista’ jiġġedded. Dan ifisser li, normalment, f’kull leġiżlatura, jkun hemm żewġ presidenti. Mill-1952, is-sena li fiha nħoloq il-Parlament Ewropew, kien hemm 31 president, bi 17 minnhom jokkupaw il-post mill-1979.
Roberta Metsola
Roberta Metsola (née Tedesco Triccas) twieldet il-Gżira f’Malta fl-1979. Hija ilha MPE mill-2013. F’Novembru tal-2020 ġiet eletta bħala l-Ewwel Viċi President, u okkupat il-pożizzjoni ta’ Aġent President wara li miet il-President Sassoli fil-11 ta’ Jannar 2022. Hija ser tkun it-tielet mara li tokkupa l-post ta’ President tal-PE, wara Simone Veil (1979-1982) u Nicole Fontaine (1999-2002).