Gvern impotenti quddiem ftehim korrott
“Impotenti, tħejjija ħażina, tħassib serju, fallimenti, għażla fqira, konċessjoni difettuża” – dawn huma wħud mit-termini użati mill-Awditur Ġenerali biex jiddeskrivi l-kuntratt li permezz tiegħu l-gvern biegħ tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals Global Healthcare fl-2015. Din kienet it-tieni parti tal-investigazzjoni li kienet infetħet wara talba li saret mill-UHM Voice of the Workers u l-Assoċjazzjoni tat-Tobba permezz tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fl-2016. Fl-ewwel parti tal-investigazzjoni, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kkonkluda li dan il-ftehim kien “kollussiv” u qatt ma kellu jiġi ffirmat. Imma dan x’qed jiswa lill-poplu?
Dan il-ftehim skandaluż immexxi mill-eks ministru Konrad Mizzi diġà swielna aktar minn €400 miljun permezz ta’ ħlasijiet annwali fil-baġit. Dan mhux kollox għax għad fadal 25 sena oħra biex tintemm il-konċessjoni! Agħar minn hekk, jekk wara li jgħaddu dawn it-30 sena il-gvern jirrifjuta li jġedded il-ftehim għal 69 sena oħra sal-2115, ikollu jħallas €80 miljun. Fl-istess ħin, jekk il-gvern jagħżel li jirrevoka l-ftehim immedjatament ikun hemm multa separata ta’ €100 miljun. Sadattant, l-isptar il-ġdid f’Għawdex baqa’ qatt ma nbena filwaqt li l-isptar San Luqa qed jaqa’ biċċiet, minkejja l-obbligu kuntrattwali biex dawn il-proġetti jsiru. Vitals, li ma kellha ebda esperjenza fis-settur tas-saħħa (lanqas kif tmexxi klinika!) tat il-konċessjoni tagħha lil Steward Health Care tal-Istati Uniti fl-aħħar jiem tal-2017. Wara dan, il-VGH sparixxiet u magħha għebu l-miljuni ippumpjati mill-gvern fl-ewwel sentejn. Jirriżulta wkoll li Vitals naqset milli tissodisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha mal-ħaddiema tagħha stess. L-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali sabet li Vitals naqset milli il-bolla u t-taxxi tal-impjegati, filwaqt li l-flus intefqu għal skopijiet oħra mhux magħrufa.
Minn perspettiva politika l-ftehim jinten. Konrad Mizzi irrifjuta li jiltaqa’ mal-Awditur Ġenerali. Dan tal-aħħar indika wkoll kif matul in-negozjati u anke fi stadju aktar tard il-Kabinett inżamm fid-dlam. Il-ftehim għadu meqjus bħala kwistjoni taħraq bil-ministri jevitaw is-suġġett kemm jistgħu kull darba li titqajjem il-kwistjoni, inklużi l-ministri tal-finanzi u tas-saħħa. Minkejja li Mizzi m’għadux involut, huwa inkonċepibbli kif ħadd fil-Kabinett ma ħa pożizzjoni apparti xi rimarki okkażjonali mid-Deputat Prim Ministru. Fl-aħħar mill-aħħar, bejn il-kliem u l-fatt hemm il-baħar jikkumbatti. S’issa fis-siegħa tal-prova ħadd ma kellu l-kuraġġ u r-rieda politika li jagħmel dak li hu tajjeb.
Fl-aħħarnett, hemm ukoll il-perspettiva kriminali. Hemm biżżejjed evidenza li dan il-ftehim ma kienx fl-interess tal-poplu, filwaqt li ma kienux segwiti proċeduri u salvagwardji kontra l-korruzzjoni. X’irid aktar il-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi? F’dan iż-żmien tas-sena l-Maltin ikunu msejħa biex ikunu ġenerużi u jgħinu dawk fil-bżonn… dawk li għalihom (kuntrarjament min kien involut fil-bejgħ tal-isptarijiet) – il-gvern ma sabx flus biex jgħinhom.