L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol trid turi snienha
Id-direttur eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol Cosmin Boiangiu reċentement kien f’Malta għal taħditiet mal-Gvern u diversi partijiet interessati fosthom min iħaddem u l-unions li huma parti mill-Bord tar-Relazzjonijiet dwar l-Impjiegi.
Imħabbra fl-2017 minn Jean-Claude Juncker waqt l-indirizz tal-Istat tal-Unjoni, din l-entità tal-UE għandha l-għan li tiżgura li r-regoli tal-UE dwar ix-xogħol u l-mobbiltà u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiġu infurzati b’mod ġust, sempliċi u effettiv. Għandha l-għan ukoll li tagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini u n-negozji biex igawdu l-benefiċċji tas-suq intern.
Fi kliem Juncker “f’Unjoni tal-ugwali, ma jistax ikun hemm ħaddiema tat-tieni klassi. Il-ħaddiema għandhom jaqilgħu l-istess paga għall-istess xogħol fl-istess post. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Għandna niżguraw li r-regoli kollha tal-UE dwar il-mobbiltà tax-xogħol jiġu infurzati b’mod ġust, sempliċi u effettiv minn korp ġdid Ewropew ta’ spezzjoni u infurzar”. L-Awtorità eventwalment ġiet stabbilita fl-2019 u mistennija tilħaq il-kapaċità operattiva sħiħa tagħha sal-2024.
Kien f’dan il-kuntest li d-direttur eżekuttiv tal-ELA żar Malta fejn kellu taħditiet ma’ diversi rappreżentanti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn il-UĦM Voice of the Workers kienet rappreżentata mill-Kap Eżekuttiv tagħha Josef Vella. Madankollu, biex dan ir-regolatur jilħaq l-iskop tiegħu hemm bżonn li jkun hemm kuntatt dirett mal-unions. Sfortunatament, iż-żjara reċenti donnha kienet aktar eżerċizzju ta’ relazzjonijiet pubbliċi.
L-ewwelnett, il-UĦM tinsab ħerqana biex l-Awtorità jkollha stampa tal-livell ta’ djalogu soċjali f’Malta. Taf din l-Awtorità li l-unions Maltin jiffaċċjaw il-prospett ta’ azzjoni legali u mandati ta’ inibizzjoni kull meta jordnaw azzjoni industrijali? Ħafna drabi l-eskalazzjoni tkun l-unika triq ’il quddiem billi l-Gvern mhux interessat li jidħol ġenwinament f’taħditiet, xi drabi lanqas fuq ftehim kollettiv ġdid.
Hemm ukoll ħtieġa għal dibattitu fuq il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali. Tali dibattitu huwa ta’ rilevanza kbira speċjalment għas-settur pubbliku fejn il-Gvern xi drabi qed joffri servizzi bil-ħaddiema tal-kuntratturi li jkollhom kundizzjonijiet ta’ xogħol inferjuri għal dawk ta’ impjegati li jagħmlu l-istess xogħol fl-istess post. Is-settur tas-saħħa huwa eżempju ewlieni.
Fid-dawl ta’ dan il-UĦM tistaqsi – Għaliex din l-Awtorità Ewropea ma tagħmilx missjoni f’Malta biex tistabbilixxi l-fatti fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u l-livell ta’ djalogu soċjali? Għaliex ma tippubblikax rapport annwali jew kull sentejn dwar ix-xejriet u n-nuqqasijiet li qed jolqtu l-impjiegi u d-djalogu soċjali f’Malta u f’kull Stat Membru ieħor? Il-UĦM Voice of the Workers qed tqajjem dawn il-kwistjonijiet minħabba li s-sentiment bħalissa huwa li din l-Awtorità hija maqtugħa mir-realtà. Tali pjan ta’ azzjoni jkun il-pjattaforma perfetta biex jitwettaq il-mandat tal-Awtorità fosthom id-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali, li kien issemma minn Juncker innifsu bħala waħda mir-raġunijiet għat-twaqqif ta’ dan ir-regolatur.