Il-foremen tal-ħaddiema tax-xatt qed jiġu diskrimanti
L-aġir tal-Gvern li qed jibqa’ jċaħħad lill-foremen tal-ħaddiema tax-xatt mid-dritt li jkun rivedut il-ftehim tagħhom li ilu ma jinbidel iktar minn għaxar snin hu inġustizzja kbira.
Dan qed iwassal biex id-dħul ta’ dawn il-ħaddiema jkompli jitnaqqar minħabba ż-żieda fl-ispejjeż u l-għoli tal-ħajja, u fl-istess ħin mingħajr il-possibilità li jieħdu xi forma ta’ rimedju bħal impjegati oħra. Din is-sitwazzjoni qed twassal għal forma ta’ diskriminazzjoni ma’ din il-kategorija ta’ ħaddiema li huma kruċjali biex il-merkanzija tibqa’ dieħla Malta mingħajr xkiel. Xogħol dawn il-foremen hu kruċjali biex titmexxa l-operazzjoni tal-ħatt tal-merkanzija fil-portijiet, eskluż il-Freeport, minn prodotti tal-ikel sa materja prima għall-industrija u l-kostruzzjoni.
Filwaqt li amministrazzjoni wara l-oħra dejjem wegħdu li se tinstab soluzzjoni tant li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien ta raġun lil dawn il-ħaddiema, l-inġustizzja baqgħet qatt ma ġiet indirizzata.
Dan wassal biex f’Novembru li għadda l-UĦM Voice of the Workers li qed tirrapreżenta l-Koperattiva tal-Foremen tal-Ħaddiema tax-Xatt f’din il-kwistjoni tiddikjara tilwima industrijali.
Dawn il-ħaddiema qed jitolbu li bl-istess mod li ħaddiema oħra fl-ekonomija, inkluż dan is-settur, jitolbu għal aġġustament fil-ħlas kull tant żmien, huma wkoll ikunu jistgħu jagħmlu dan. Barra minn hekk fit-talba tagħhom il-foremen ikkunsidraw l-impatt li dan jista’ jkollu fuq l-ekonomija, partikularment il-prezz finali tal-prodott importat għall-konsumatur.
Kelliem għall-Koperattiva insista li t-talba tagħhom saret wara analiżi li wriet li jekk il-Gvern jilqa’ t-talba tagħhom ikun qed itaffi xi ftit mill-ispejjeż li għandhom mingħajr ma jitgħabba l-konsumatur.
Madankollu, l-UĦM qed tħares iktar fit-tul billi qed tipproponi l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu li jieħu ħsieb l-aġġustament tar-rati lill-foremen. Dan il-pass hu fuq il-mudell taż-żieda tal-għoli tal-ħajja li daħal b’suċċess snin ilu u li kien kruċjali fit-titjib tar-relazzjoni bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern. B’dan il-mod ikun hemm ukoll is-serħan tal-moħħ li din il-kwistjoni mhux se terġa’ tqum minn hawn u ftit snin oħra.
Sadattant, is-sitwazzjoni kompliet sejra lura minħabba li matul is-snin ma sarx investiment fil-mollijiet tal-Port il-Kbir, b’riżultat l-faċilitajiet eżistenti m’għadhomx adegwati mal-volum ta’ merkanzija li jgħaddi.
UĦM Voice of the Workers qed titlob li jitkomplew it-taħditiet li ilhom weqfin xhur sħaħ wara li lejn tmiem is-sena li għaddiet kien sar żblokk fil-kwistjoni tant li kien sar rapport.
Sfortunatament, sal-lum ma jidhirx li hemm rieda għal soluzzjoni min naħa tal-Gvern.
“Sitwazzjoni bħala tagħna ma teżisti mkien. Ma jistax ikun li ħaddiem ma jingħatax iċ-ċans li jinnegozja l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu,” kelliema għal Koperattiva stqarr ma’ Voice of the Workers Weekly.
“Min naħa tagħna se nibqgħu niġġieldu għad-dritt tagħna li ninnegozjaw tariffi aħjar anki akkost li jkollna nieħdu azzjonijiet industrijali,” il-kelliem qal.
Bħalissa l-azzjonijiet industrijali għaddejjin iżda l-effett tagħhom mhux jinħass mill-konsumatur u n-negozji. Madankollu, dan m’għandux jittieħed b’mod leġġer jew agħar minn hekk bħala vulnerabilità.
Kelliem għall-UĦM Voice of the Workers stqarr illi f’każ li dawn l-azzjonijiet ikollhom jeskalaw, se jkunu milquta l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-pajjiż.
Nisperaw li l-Gvern jifhem li l-intervent tiegħu hu bżonnjuż sabiex tinstab soluzzjoni għal dawk il-ħaddiema u tiġi evitata sitwazzjoni ta’ eskalazzjoni ta’ azzjoni industrijali.