Il-ftehim ta’ Steward: Il-UĦM mhux se tieqaf hawn u se tkompli tiġġieled id-diskriminazzjoni
Minkejja s-suċċess miksub fil-kwistjoni tal-ħaddiema ta’ Steward Health Care il-UĦM Voice of the Workers mhux se tieqaf fil-ġlieda tagħha favur il-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs bl-iskop li tieqaf din il-forma ta’ diskriminazzjoni f’ċertu postijiet tax-xogħol.
Josef Vella, CEO tal-UĦM qal dan fl-ewwel reazzjoni għall-ftehim milħuq mal-Gvern li permezz tiegħu l-impjegati ta’ din il-kumpanija li tmexxi tliet sptarijiet tal-Gvern se jibdew igawdu mill-istess kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan ġaladarba jaħdmu spalla ma’ spalla ma’ impjegati fuq il-kotba tal-Ministeru tas-Saħħa, bl-istess dmirijiet, u jaraw l-istess pazjenti fl-istess swali.
“Il-UĦM qed tkompli tindirizza din il-problema fuq diversi fronti – permezz ta’ azzjonijiet legali fil-Qorti bħall-każ tal-Gozo Channel, azzjonijiet industrijali, billi tressaq każijiet quddiem id-Direttur tax-Xogħol u ġo fora importanti bħall-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u l-Employment Relations Bord. Fuq livell politiku, qed nagħmlu s-sottomissjonijiet tagħna dwar din il-kwistjoni b’rabta tat-tħejjija tal-manifesti elettorali tal-partiti politiċi għall-elezzjoni ġenerali li jmiss,” Vella qal.
Fil-każ ta’ Steward, il-unjin kienet esprimiet ċertu riservi sa mill-bidu nett fl-2016, meta l-konċessjoni biex jitmexxew l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, San Luqa u Karin Grech għal 30 sena kienet ingħatat lil Vitals Global Healthcare. Kien fl-aħħar tal-2017 li l-konċessjoni għaddiet għand il-kumpanija Amerikana Steward.
“Minkejja li Steward kienu mlaqqma mill-Gvern bħala “the real deal” dan ma kien ifisser “the good deal” għall-ħaddiema li spiċċaw jagħmlu l-istess xogħol ta’ ħaddiema tal-Gvern imma b’salarju inqas u b’kundizzjonijiet inferjuri, il-Kap Eżekuttiv irrimarka.
Hu żied li l-UĦM baqgħet l-uniku unjoni li qatt ma ffirmat ftehim l-anqas ma’ Steward għas-sempliċi raġuni li tistax tikkommetti ruħha u wisq u wisq iktar lill-ħaddiema f’xi ħaġa li ma tafx eżattament x’fiha. Dan ġaladarba l-ftehim kollu bejn il-Gvern u Steward qatt ma ġie pubblikat.
Wara ħafna tentattivi l-Gvern fehem is-soluzzjoni li pproponiet il-unjin mill-bidu nett, u għalhekk issa hemm qbil fil-prinċipju biex il-Gvern iġib il-ħaddiema ta’ Steward fuq l-istess livell ta’ professjonisti oħra fis-servizz pubbliku u jagħtihom l-istess kundizzjonijiet tal-ftehim kollettiv.
“Il-pass li jmiss hu li n-negozjati jidħlu fid-dettal ta’ kif se jkun assimilat kull ħaddiem, fi proċess li jrid isir sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru li ġej. B’hekk it-tieni passi ikun li mis-sena d-dieħla l-ħaddiema ta’ Steward jibdew igawdu minn dan il-ftehim. Il-każ ikun magħluq meta l-ħaddiema jirċievu l-payslips tagħhom bl-istess kundizzjonijiet tal-kollegi tagħhom fuq il-kotba tal-Gvern,” Vella qal.
‘Qalulna li ftehim bħal dan kien impossibbli li jsir’
Gian Paul Gauci, assistent direttur fil-UĦM Voice of the Workers li kien involut attivament fin-negozjati esprima s-sodisfazzjoni li dan il-ftehim sar minkejja li kien hemm min ipprova jaqta’ qalb lill-unjin.
“Kien hemm saħansitra unjins oħra li kienu qalu li dak li kienet qed titlob il-UĦM kien impossibbli u li għalhekk qatt ma konna se naslu. Però, iż-żmien tana raġun għax bid-determinazzjoni tagħha l-unjin irnexxielha tikseb dak li għal ħaddieħor deher impossibbli minkejja d-diffikultajiet li kellna quddiemna,” hu qal.
Kienet diffiċli wkoll għax il-Gvern ma fehemx mill-ewwel li kien hemm diskriminazzjoni.