Il-ftehim milħuq dan l-aħħar biex ħaddiema ta’ Steward Health Care ikollhom l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-kollegi tagħhom fuq il-kotba tal-Gvern hu pass storiku fil-ġlieda kontra l-prekarjat. Dan is-suċċess jippremja l-isforzi li għamlet il-UĦM Voice of the Workers li għal snin sħaħ insistiet li jekk verament il-Gvern jemmen fil-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs, għandu jkun ta’ eżempju.  

Ma ninsewx li meta l-partit fil-gvern kienu għadu fl-Oppożizzjoni kien wiegħed li se jagħmel kruċjata kontra l-prekarjat. L-aħħar ħaġa li l-UĦM tistenna għalhekk hu li jkun il-Gvern stess li joħloq sitwazzjonijiet bħal dawn fi ħdanu, f’dan il-każ fl-isptarijiet tiegħu stess.

Sfortunatament, iżda jidher li din il-wegħda twarrbet. Il-UĦM m’għandha xejn kontra l-prinċipju tal-outsourcing. Però, soluzzjoni bħal din ma tmurx għaliha għal xogħlijiet kruċjali fl-operazzjonijiet ta’  entità governattiva, iktar u iktar meta tali xogħlijiet isiru b’mod regolari s-sena kollha. F’dak ix-xenarju wieħed jistaqsi – Għaliex ma ġewx impjegati ħaddiema oħra direttament mal-Gvern ladarba ix-xogħol tagħhom se jkun neċessarju s-sena kollha, imma se jkunu b’kundizzjonijiet inferjuri? Dan sar għax bil-kuntrattur il-Gvern jiffranka?

Filwaqt li l-kwistjoni tal-prekarjat bdiet f’xogħlijiet b’ħiliet bażiċi bħat-tindif u ż-żamma tas-sigurtà, issa qed tinfirex ukoll f’livelli għola fosthom il-qasam mediku.

Kien għalhekk li l-UĦM kellha tirrikorri għal azzjonijiet industrijali fir-rigward ta’ Steward Health Care għax ma setgħet qatt taċċetta li l-ħaddiema li kienu qed jagħmlu l-istess xogħol bħal dawk impjegati mill-Ministeru tas-Saħħa ikunu trattati b’mod inferjuri f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Apparti l-ħlas li f’xi każi kien ta’ eluf ta’ ewro inqas fuq numru ta’ snin, kien hemm trattament differenti wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-vacation leave, family-friendly measures u ċertu allowances. Fuq kollox dawn il-ħaddiema jaħdmu fl-istess sala, jaraw l-istess pazjenti u jilbsu l-istess uniformi.

It-triq biex saret din il-kisba ma kinitx waħda faċli, la għall-ħaddiema infushom u lanqas għall-unjin, fl-isfond tal-fatt li kemm il-kumpanija kif ukoll il-Gvern kien iktar moħħhom kif se jnessu din il-kwistjoni u jitfugħha taħt it-tapit milli jsibu soluzzjoni. Iżda sforz id-determinazzjoni u l-perseveranza, il-UĦM waslet u laħqet il-mira li kellha sa mill-bidu nett – dik li l-ħaddiema ta’ Steward jieħdu dak li ħaqqhom. Din ma kinitx kwistjoni biex isir xi pjaċir lil xi ħadd, iżda ġlieda kontra diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol.

Il-ġlieda kontra l-prekarjat mhux se tieqaf hawn. Sfortunatament, għadna nisimgħu ilmenti fejn hemm kumpaniji privati kummissjonati mill-Gvern biex jagħtu ċertu servizzi f’entitajiet pubbliċi. Il-UĦM se tkun qegħda fuq quddiem biex bl-istess mod tindirizza setturi oħra biex tħares id-drittijiet u d-dinjità tal-ħaddiema. Wieħed jittama li r-rieda tajba li wera l-Gvern fil-każ ta’ Steward wara ħafna taqtigħ il-qalb, tirrenja wkoll fi kwistjonijiet oħra pendenti mingħajr il-bżonn li s-sitwazzjoni teskala.