Diskrepanzi reġjonali prinċipali fir-rispons għall-COVID-19
Reġjuni Ewropej intlaqtu b’mod differenti mill-pandemija tal-coronavirus, skont rapport ġdid pubblikat nhar it-Tnejn 12 ta’ Ottubru mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (CoR).
Ir-rapport żvela li l-aktar reġjuni li ntlaqtu ekonomikament ħażin kienu dawk taħt miżuri stretti ta’ lockdown għal żmien twil – mhux neċessarjament dawk li kellhom rati għoljin ta’ imwiet jew l-aktar każijiet li ġew rappurtati.
Sadattant, ir-rapport jistqarr li kważi 60 fil-mija tal-Ewropej jaħsbu li aktar impenn fl-għamla tal-politika minn awtoritajiet lokali tista’ tgħin lill-UE biex tegħleb l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija.
Filwaqt li l-Ewropej jafdaw lill-gvern lokali u reġjonali aktar milli jafdaw gvernijiet nazzjonali jew l-UE innifisha biex titratta l-pandemija, ċittadini minn pajjiżi fit-tramuntana u fil-punent tal-Ewropa għandhom fiduċja ikbar f’awtoritajiet lokali u reġjonali minn dawk fin-nofsinhar u fil-lvant tal-UE.
Sindki u gvernaturi reġjonali ħadu ħsieb l-infurzar tal-kwarantini, qassmu l-għajnuna, immobilizzaw ir-riżorsi pubbliċi, assiguraw it-twassil effettiv ta’ servizzi pubbliċi, partikularment fil-qasam tal-kura tas-saħħa, u l-ippjanar ta’ rilaxxar minn miżuri tal-lockdown.
Il-kriżi COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa għal koordinament effettiv bejn poteri deċentralizzati u dawk ċentralizzati.
Ir-rapport tal-CoR jgħid li “dawn iż-żminijiet ta’ sfida jistgħu jissarrfu f’opportunità sabiex id-demokrazija lokali tissaħħaħ u biex tirrifletti b’mod kollettiv dwar il-valuri bażiċi Ewropej matul il-Konferenza fuq il-Futur tal-Ewropa”.
Ir-reġjuni Ewropej kienu qalu li l-konferenza għandha tittella’ malajr kemm jista’ jkun għax hi “opportunità f’waqtha” biex isir dibattitu dwar kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti b’mod sħiħ fir-rispons għall-COVID-19 li jkun mifrux mal-Ewropa kollha.