Il-Gvern irid jaġixxi malajr għax is-sitwazzjoni qed issir serja ħafna
In-numru riċenti ta’ infezzjonijiet mill-coronavirus f’Malta u madwar l-Ewropa huwa serju. Lockdowns parzjali qed ikunu infurzati f’diversi stati membri Ewropej bħal Spanja, l-Olanda, l-Italja u r-Repubblika Ċeka. Għandna nsibu ruħna bħal dawn il-pajjiżi? Irridu li l-Prodott Domestiku Gross jieħu tisbita?
Kif inhuma l-affarijiet, jidher li ma tgħallimna ebda lezzjoni. Ma tgħallimniex mill-iżballji meta l-pandemija laqtitna kmieni din is-sena.
Jidher li l-appelli kontinwi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jaqgħu fuq widnejn torox. Il-Gvern irid jibqa’ jinsisti man-nies biex joqogħdu attenti, isegwu r-regolamenti, iżommu d-distanza, jgħattu ħalqhom u mneħirhom u biex jagħmlu li jistgħu ħalli jżommu l-virus ‘il bogħod filwaqt li l-attività ekonomika tibqa’ għaddejja.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa stqarret, fil-jiem li għaddew, li kien hemm kważi miljun każ ġdid ta’ COVID-19 rappurtati fl-Ewropa.
Il-Gvern Malti, il-unions u l-partijiet interessati rilevanti l-oħrajn għandhom jaqblu fuq regolamenti nazzjonali sabiex l-imxija tal-virus tkun ikkontrollata. Il-ġimgħat li ġejjin għandhom ikunu kruċjali dwar jekk nistgħux niċċelebraw il-Milied b’mod rilassat. Irridu nwittu t-triq b’mod konġunt, għax inkella jkun hemm il-periklu li s-sitwazzjoni tispiċċa bla kontroll.
Voice of the Workers jipproponi li membri mill-Korp tal-Pulizija jaħdmu pajżana u jinforzaw ir-restrizzjonijiet. Għandhom iwettqu iżjed verifiki biex jassiguraw li spazji pubbliċi qed jimxu mad-distanza soċjali. Barra minn hekk, dan l-istess portall jilqa’ l-ilbies obbligatorju tal-maskra hekk kif wieħed joħroġ mid-dar.
Malta qed tesperjenza iżjed rati ta’ infezzjonijiet anki fost persuni iżgħar fl-età filwaqt li n-numru ta’ imwiet ukoll qed jiżdied. Pajjiżna qabeż iċ-ċifra ta’ 5,000 każ ikkonfermat. Qed ikun imwissi li jista’ jkun hemm żieda fir-rata ta’ infezzjonijiet kuljum jekk ix-xejriet preżenti jissoktaw. Irridu nesperjenzaw xi katastrofi bħal din? Il-Gvern tabilħaqq irid jaġixxi sabiex jevita l-lockdowns, iħares is-saħħa taċ-ċittadini u jipproteġi l-ekonomija.