L-Ewro Parlamentari jippreżentaw il-prijoritajiet tagħhom għall-Att dwar is-Servizzi Diġitali
It-talbiet tal-Ewro Parlamentari dwar kif is-servizzi diġitali, inkluż il-pjattaformi onlajn u swieq diġitali, għandhom ikunu regolati ġew stabbiliti waqt vot fil-Kumitat tas-Suq Intern fil-jiem li għaddew.
Bl-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA), l-UE qed timmira li ssawwar l-ekonomija diġitali mhux biss fuq livell Ewropew imma wkoll biex tistabbilixxi livelli għall-kumplament tad-dinja, kif għamlet mal-protezzjoni tad-data.
F’rapport ta’ “inizjattiva leġislattiva” approvat fil-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-Ewro Parlamentari talbu li l-Kummissjoni tindirizza u titratta n-nuqqasijiet preżenti fl-ambjent onlajn fil-pakkett tad-DSA, li mistenni jiġi ppreżentat fi tmiem din is-sena. L-Ewro Parlamentari qalu li l-prinċipju ta’ “dak li hu llegali offline huwa wkoll illegali onlajn” kif ukoll il-prinċipji tal-ħarsien tal-konsumatur u s-sigurtà tal-utent, għandhom isiru “prinċipji ta’ gwida” fil-futur tad-DSA.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ikopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, fosthom obbligi relatati mat-trasparenza u l-informazzjoni għal swieq onlajn, is-sigurtà tal-prodott onlajn, miżuri effettivi ta’ infurzar u superviżjoni, inkluż multi, il-firxa ta’ kontenut illegali onlajn, l-intelliġenza artifiċjali (AI) u regolamentazzjoni ex-ante biex ikunu evitati fallimenti fis-suq (minflok biss rimedju) kawżati minn pjattaformi kbar.