Is-saħħa mentali ma tistax tiġi injorata
Donnu l-ħarsien mentali tal-pajjiż qed ikun injorat matul il-pandemija. Il-pubbliku esperjenza avveniment trawmatiku din is-sena u ma kellux biżżejjed żmien biex jipproċessah, filwaqt li spiss qed iħabbat wiċċu mal-insigurtà finanzjarja u t-tbatija.
Diversi adulti tabilħaqq qed jitħabtu mad-depressjoni. Adulti żgħar fl-età, nisa, ħaddiema ewlenin, persuni bi bżonnijiet speċjali u persuni vulnerabbli oħrajn huma fost dawk milquta, kif ukoll dawk li mhumiex kapaċi jlaħħqu ma’ spejjeż mhux mistennija. Barra minn hekk, familji bi dħul baxx qed jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali jew fiżiċi minħabba l-Coronavirus hekk kif qed jitħabtu biex ilaħħqu mal-ħajja.
L-għajnuna lil dawn in-nies fix-xhur li ġejjin teħtieġ investiment sostanzjali fis-servizzi tas-saħħa mentali, servizzi li skont id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea huma “imbiċċrin”.
Barra minn hekk, jekk irridu nindirizzaw il-kriżi fis-saħħa mentali, irridu nħarsu lejn l-istampa wiesgħa li tinkludi xogħol li jħallas ftit, id-diskriminazzjoni, l-iżolament, il-bidliet fir-rutina, l-ikel żejjed u x-xorb.
Aħna spiss nitkellmu dwar is-saħħa mentali qisha hi maqtugħa mill-kundizzjonijiet materjali li ngħixu fihom. Madankollu, l-impjiegi tagħna, id-djar tagħna u saħħitna huma magħqudin mal-ħarsien mentali tagħna. Jekk inti omm titħabat biex iżżomm l-impjieg filwaqt li tgħin fix-xogħol tal-iskola tat-tfal, huwa faċli li tħossok imtaqqla bl-inkwiet. Jekk inti ħaddiem li tlift l-impjieg bil-biża’ li tiġi żgumbrat, huwa naturali li tħossok anzjuż. Dawn il-kundizzjonijiet ġew aggravati bil-pandemija. Hekk kif il-virus reġa’ għolla rasu f’Malta, l-impatt negattiv fuq is-saħħa mentali tan-nies jidher li se jikber.
Barra minn hekk, jidher li l-appoġġ fis-saħħa mentali ġie ridott għar-retorika. Sabiex tassew nindirizzaw din il-kwistjoni tas-saħħa pubblika jeħtieġ li jkun hemm investiment fl-aspetti kollha tas-soċjetà: billi nagħtu kas tal-iżolament ta’ persuni vulnerabbli sa nindirizzaw is-suq prekarju tax-xogħol li jfisser ħafna familji mhumiex kapaċi jħallsu l-kontijiet tagħhom.
Il-prijorità lis-saħħa mentali tpoġġi l-ħarsien tan-nies ‘il fuq mill-profitti. Tistabbilixxi saqaf fuq ras in-nies, l-ikel u l-kura tas-saħħa bħala drittijiet bażiċi. Fuq kollox, titlob investiment ġenwin u sostanzjali fis-servizzi tas-saħħa mentali, mhux kliem fil-vojt.
Hekk kif il-pajjiż daħal fit-tieni mewġa, u hekk kif il-pandemija tibqa’ taffettwa ħajjet in-nies, il-ħarsien tan-nazzjon se jsir aktar u aktar urġenti. Il-Gvern irid iwettaq dak li verament huwa neċessarju biex jindirizza l-kriżi tas-saħħa mentali f’Malta. Irid jaqbad il-barri minn qrunu u jagħmel il-bidliet li jippermettu lin-nies biex ikollhom ħajja aħjar.