Fondi Ewropej kontra l-Coronavirus
Bi tweġiba għall-Coronavirus, l-UE allokat €1 biljun permezz tal-programm Horizon 2020 sabiex iżżid ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa. Il-programm Horizon 2020 huwa inizjattiva prinċipali tal-UE dwar l-iffinanzjar ta’ proġetti li l-iskop tagħhom hu li jpoġġu lill-Ewropa fuq quddiem għar-riċerka u l-innovazzjoni dinjija. Il-programm Horizon 2020 ukoll intuża fl-aħħar snin bħala mezz ta’ fondi ta’ emerġenza għal imxijiet fil-passat bħal il-virus Zika u Ebola, u dan għamilha faċli biex wieħed jimmobilizza f’dan ix-xenarju.
L-ewwel sejħa ffinanzjat 18-il proġett ta’ riċerka, b’nefqa ta’ €48.2 miljun, diretti lejn id-djanjostiċi, kura, vaċċini u titjib fit-tħejjijiet għall-imxijiet. It-tieni sejħa għal sforzi innovattivi u mgħaġġlin relatati mas-saħħa biex jirrispondu għall-COVID-19 u biex iwasslu għal riżultati f’waqthom għas-soċjetà għal livell għoli ta’ preparamenti fis-sistemi tas-saħħa, ġiet pubblikata f’Mejju 2020.
Minbarra dawn is-sejħiet, €400 miljun kienu allokati għat-tisħiħ tal-Faċilità Finanzjarja InnovFin dwar il-Mard li Jittieħed, li tipprovdi fondi lil entitajiet innovattivi u li huma attivi biex jiżviluppaw vaċċini, drogi, apparat mediku u djanjostiku jew infrastrutturi ġodda għar-riċerka kontra mard li jittieħed.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm Horizon 2020 jew programmi ta’ fondi Ewropej oħrajn, ikkuntattja lil MEUSAC fuq info.meusac@gov.mt jew fuq 22003300.