Ejja niċċajtaw u nitbissmu….avolja hawn il-Coronavirus!
Faqqa’ virus u huwa serju. Il-Coronavirus qed jikkontrollana. Jittieħed ħafna u saħansitra qed jhedded l-għixien u ħajjet in-nies. Imma huwa daqshekk serju biex nidħqu ftit? Għall-kuntrarju, fi żminijiet diffiċli li qed ngħixu bħalissa, l-umoriżmu huwa importanti.
Qegħdin fir-Rebbiegħa u sfortunatament dan il-virus qed iżommna magħluqin fid-djarna. Uħud minna ma jistgħux imorru għax-xogħol, jew inkella saru arranġament minn min iħaddem biex jaħdmu mid-dar. Filwaqt li ħafna minna qed inqattgħu iżjed ħin mal-familja mis-soltu, jekk dan il-virus se jibqa’ jillimitana għal ħafna żmien, għal uħud il-piż finanzjarju li jibqgħu d-dar milli jmorru għax-xogħol x’aktarx se jsir sors ta’ stress għalihom.
Barra minn hekk dawk li jaħdmu fis-supermarkets, fl-isptarijiet jew fi djar tal-anzjani kif ukoll il-forzi tal-ordni huma esposti għal riskju iżjed għoli ta’ infezzjoni. Oħrajn qed jaħdmu minn ‘uffiċċji fid-djar’. Xi ġenituri li qed jaħdmu mid-dar ħadu post lill-għalliema jew dawk li jieħdu ħsiebhom, u qed joqogħdu ma’ uliedhom sebat ijiem fil-ġimgħa. Oħrajn saħansitra jinsabu kompletament waħedhom.
Imbagħad hemm dawk li huma infettati bil-Coronavirus li, minbarra jinsabu maqtugħin mid-dinja hemm barra, iridu jiġġieldu mhux biss is-sintomi tal-infezzjoni imma wkoll il-biża’. Allura nistgħu niċċajtaw dwar il-Coronavirus?
Li nsibu l-umoriżmu f’sitwazzjoni li, għal kollox, mhix tad-daħq, tista’ tbiegħdna mill-ħsibijiet li jista’ jkollna. L-umoriżmu huwa forma ta’ aljenazzjoni. Il-biża’ u l-istress jitnaqqsu għal ftit taż-żmien.
Iċ-ċajt dwar ritratti jew filmati ta’ persuni jbattlu l-ixkafef mis-supermarkets għall-għaġin, għall-ilma jew għat-toilet paper jistgħu ma jkunux l-aħjar ħaġa li ssir fil-preżenza ta’ xi ħadd li jinsab fi stat ta’ paniku minħabba l-Coronavirus. L-umoriżmu jista’, f’din iċ-ċirkostanza, ikun insensittiv. L-empatija hija essenzjali hawnhekk. Li tkun umoristiku mhux neċessarjament ifisser li tagħmel ċajt diżgustanti.
Li wieħed jidħaq flimkien isaħħaħ l-ispirtu ta’ komunità. Il-media soċjali hawnhekk tista’ tgħin biex tbiddel il-burdata hekk kif ċertu nies qed jitħabtu mar-realtajiet ta’ din il-pandemija.