Bil-preżenza dejjem tiżdied tat-teknoloġija fid-dinja moderna tal-lum, hemm qasma diġitali li għadha viżibbli bejn il-ġenerazzjonijiet, imma wkoll fil-persuni anzjani. Tant hu hekk li ssib ħafna anzjani f’Malta li għadhom ma aċċettawx l-użu tat-telefon ċellulari, tat-tablets u servizzi ġodda.  

Il-kwistjoni hi li perċentwal għoli ta’ dawk ‘il fuq minn 55 sena qatt ma daħlu fl-internet u b’hekk  din is-sezzjoni tal-popolazzjoni mhux qed  tikseb uħud mill-vantaġġi tat-teknoloġija u tal-internet. 

It-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) m’għandhiex tkun kunsidrata bħala xkiel għall-anzjanita’ produttiva. L-ICT hi sempliċiment l-għodda li tgħin lill-anzjani sabiex tassew ikunu aktar produttivi u jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħhom. Barra minn hekk, l-ICT ukoll iżżomm lill-anzjani attivi soċjalment 

Fil-fatt il-Kunsilli Lokali u entitajiet oħrajn joffru korsijiet bażiċi fl-użu tal-kompjuter u kif jidħlu fl-internet. Il-konkorrenza mhix l-istess f’kull belt u raħal; hemm bliet u rħula li jirrapportaw preżenza  ta’ anzjani għal tali korsijiet filwaqt li oħrajn jitħabtu ħafna biex jagħqdu klassi ta’ anzjani. 

Min-naħa l-oħra, hemm perċentwal ta’ anzjani li jirrifjutaw is-servizzi moderni tat-teknoloġija. Għadek issib anzjani li jippreferu jmorru fiżikament il-bank biex jiġbdu jew jiddepożitaw il-flus flok jużaw l-ATM. Issib  ukoll anzjani li jużaw it-telefon ċellulari biex iċemplu jew biex jirċievu t-telefonati imma tgħidilhomx jibgħatu SMS għax ma jafux kif jew jirrifjutaw li jagħmlu dan. 

Madankollu, dawk l-anzjani li ħaddnu l-użu tat-teknoloġija jħossuhom informati u f’kuntatt mal-oħrajn dwar dak li qed jiġri fis-soċjeta’. Fil-qosor, dawn l-anzjani jħossuhom aħjar u għandhom kwalità tal-ħajja msaħħa iżjed. Qed jaraw l-aħbarijiet fuq l-internet, jibgħatu l-emails, japplikaw għal servizzi tas-saħħa, iħallsu l-kontijiet onlajn kif ukoll jikkomunikaw permezz tal-media soċjali. 

L-isfida hi kif se jintlaħqu dawk l-anzjani semi-illitterati jew lil dawk jibżgħu mit-teknoloġija biex jagħmlu dak il-pass kuraġġuż u, tal-inqas, jitgħallmu jużaw għodod teknoloġiċi bażiċi li huma konvenjenti ħafna fid-dinja mgħaġġla tal-lum.