Jeħtieġ li tagħrif ta’ mibegħda jitneħħa minn fuq l-internet
L-attakk terroristiku fi Christchurch, New Zealand qajjem diskussjoni dwar ir-rwol tal-media soċjali u t-teknoloġija li ħafna qed isostnu li kienu kompliċi fl-atroċita’.
Wara li assorbejt l-aħbar, qgħadt naħseb bejni u bejn ruħi filwaqt li kkonkludejt li pjattaformi teknoloġiċi bħal YouTube u Facebook huma komponent ewlieni fir-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ. Jekk ma jisforzawx biżżejjed biex iġibu ordni fil-pjattaformi tagħhom, nasal biex ngħid li se jirriskjaw ikunu kompliċi fit-teħid ta’ ħajjiet innoċenti. Irid jiġi minnhom biex ineħħu kontenut estremist u lil dawk li jagħmlu użu mill-pjattaforma tagħhom. Iżda s’issa YouTube u Facebook qed ifallu milli jagħmlu dan.
Pjattaformi bħal Facebook u YouTube ġew maħluqa biex jassiguraw li inti tilħaq il-kontenut u persuni li inti tara bħala interessanti. Bla dubju, din hi xi ħaġa tajba jekk inti tkun dilettant tad-diski jew tal-films. Imma kif rajna jew smajna dan l-aħħar, l-istess affarijiet jaħdmu bizzilla għal min ikun midħla ta’ kontenut estremist.
X’jistgħu jagħmlu pjattaformi bħal YouTube u Facebook? Tant ikopru informazzjoni li hawn min jgħid li l-kontroll tagħha huwa diffiċli. Iżda jien ma ngħidx hekk. Naħseb li min imexxi YouTube u Facebook jistgħu jimmoderaw il-kontenut li jidħol fil-pjattaformi tagħhom. Imma l-fatt hu li mhumiex jagħmlu sforz.
Konvint li dawn in-networks inbnew u huma mħaddma minn persuni intelliġenti ħafna. Qed ngħixu fi żmien ta’ avvanzi kbar fid-dinja diġitali u fl-intelliġenza artifiċjali. Madankollu xejn minn dan mhu qed jintuża biex il-materjal li jittella’ fuq l-internet ikun ikkontrollat.
Jien wkoll konvint li ħafna materjal jista’ jinqabad, jiġi blokkat, iċċensurat u eradikat. Kull post u filmat b’kontenut estremist li żagħżugħ vulnerabbli ma jarax, hi rebħa żgħira għalina lkoll. Madankollu hawn min jirraġuna li t-tneħħija ta’ kontenut li jinstiga l-mibegħda, jibgħat lil dak li jkun biex ifittex minn sorsi oħrajn. Imma ma naħsibx li żgħażagħ ta’ eta’ tenera qed jirnexxilhom jippenetraw xi websites oskuri. Xorta waħda għadhom qed jidħlu fuq YouTube.
Minkejja l-evidenza ċara li dawn il-pjattaformi enormi huma l-qafas prinċipali għat-trażżin ta’ kulturi bl-iskop li jxerrdu l-mibegħda, m’aħna qed naraw ebda bidla tanġibbli. Jeħtieġ li tali materjal fuq YouTube u Facebook jinqala’ ‘il barra qabel mal-affarijiet jikkumplikaw ruħhom.