Bżonn li nkattru edukazzjoni bbażata fuq il-ħiliet tal-ħajja
F’dinja mmexxija dejjem iżjed mit-teknoloġija u l-informazzjoni l-enfasi fl-edukazzjoni, bir-raġun, qed iddur lejn ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika – suġġetti li jippreparaw lill-istudenti għal korsijiet u karrieri tal-futur. Iżda l-ħiliet tal-ħajja – li jarmaw lill-istudenti biex jagħmlu deċiżjonijiet tajbin u jsolvu problemi fil-karrieri professjonali tagħhom kif ukoll fil-ħajja privata – ukoll għandu jkollhom irwol kritiku f’edukazzjoni ħolistika.
Il-ħiliet tal-ħajja huma pedamenti li jippermettu lill-istudenti biex japplikaw l-għerf li jiksbu fl-iskola għall-problemi u s-sitwazzjonijiet fil-ħajja. Magħrufin ukoll bħala soft skills f’kuntest professjonali, l-abbilta’ li wieħed jaħseb u javviċina l-problemi minn angoli differenti sabiex isib soluzzjonijiet prattiċi, u l-ħila li jikkomunika ċar u b’mod effettiv huma daqstant importanti daqs l-għarfien tekniku f’qasam partikulari jew suġġett akkademiku.
Il-ħiliet tal-ħajja huma parti essenzjali biex tkun kapaċi tindirizza l-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum. Il-bidliet kbar fl-ekonomiji dinjija li seħħew f’dawn l-aħħar snin affettwaw it-trasformazzjoni fit-teknoloġija u dawn qed iħallu impatt fuq l-edukazzjoni, il-post tax-xogħol u l-ħajja fil-familja.
Iżda l-ħiliet tal-ħajja jmorru lil hinn milli tagħżel kors fl-universita’ jew timpressjona lil dak li se jħaddmek fil-futur. Il-ħiliet tal-ħajja jipprovdu għodda importanti lill-istudenti għall-iżvilupp, bħal per eżempju, il-ħsieb indipendenti, kif tissoċjalizza u tagħmel ħbieb ġodda u kif taġixxi f’sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri u l-għalliema ma jkunux preżenti biex jgħinu jew jintervjenu.
Fil-ħajja ta’ kuljum, l-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħajja jgħin lill-istudenti biex, fost oħrajn, jirrikonoxxu l-impatt tal-azzjonijiet tagħhom u jkunu responsabbli ta’ għemilhom flok jitfgħu l-ħtija fuq ħaddieħor.
B’mod ġenerali, aktar ma niżviluppaw il-ħiliet tal-ħajja b’mod individwali, aktar dawn jaffettwaw u jibbenefikaw lis-soċjeta’ li ngħixu fiha. Ir-rispett tad-diversità jippermetti li l-kreattività u l-immaġinazzjoni jiffjorixxu u b’hekk niżviluppaw soċjetà aktar tolleranti.
Barra minn hekk l-iżvilupp tal-ħiliet ta’ kif ninnegozjaw, l-abbilta’ li nagħmlu l-kuntatti u l-empatija jistgħu jgħinu biex nibnu resoluzzjonijiet milli noħolqu l-imrar.