Nindirizzaw il-ħela tal-ikel
Rapport ippubblikat minn grupp ta’ riċerkaturi Amerikani sab li sal-2030, il-ħela annwali tal-ikel se tilħaq aktar minn żewġ biljun tunnellata.
Il-ħela tal-ikel teżisti kullimkien u Malta mhix eċċezzjoni. Hija problema dinjija. Skont l-Organizzazzjoni dwar l-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), sa terz mill-ikel prodott kull sena jmur għall-ħela.
Ir-riċerka tgħid li l-ħela tal-ikel isseħħ tul il-katina tal-ikel agrikolu kollu. Hija kkawżata minn diversi fatturi, fosthom, il-limitazzjonijiet fil-produzzjoni tal-ħxejjex u tekniki agrikoli oħrajn li jiffrankaw ir-riżorsi, infrastrutturi inadekwati fit-trasport u l-ħażna tal-ikel, il-bidla fil-klima kif ukoll il-konsum esaġerat tal-ikel u porzjonijiet kbar. Min-naħa l-oħra, hekk kif il-bnedmin qed jaħlu rati konsiderevoli ta’ ikel, aktar minn 800 miljun persuna jmorru jorqdu bil-ġuħ.
Fil-bidu tas-sena li għaddiet, l-Unjoni Ewropea kienet addottat l-ewwel mira mifruxa mal-istati membri kollha fit-tnaqqis mill-ħela tal-ikel. Din il-mira qed taspira li tnaqqas il-ħela tal-ikel b’50 fil-mija sal-2025.
Ir-riċerka tkompli tgħid li hemm differenzi fil-kawżi tal-ħela tal-ikel bejn pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw. F’pajjiżi żviluppati, l-ikel jinħela l-aktar min-nies. Għall-kuntrarju, u din tista’ tinstema’ ovvja, dawk in-nies foqra u bil-ġuħ jaħlu verament inqas fl-ikel. Il-ħela tal-ikel pjuttost isseħħ waqt il-produzzjoni tal-ikel l-aktar minħabba agrikoltura ineffiċjenti u infrastrutturi ħżiena fil-ħażna tal-ikel malli dan ikun prodott.
Il-verita’ hi li kollox hu marbut mal-imġieba tagħna bħala konsumaturi. Hi tassew l-imġieba individwali tagħna, inkluż ix-xiri ta’ porzjonijiet eċċessivi, ix-xiri ta’ aktar ikel milli għandna bżonn, in-nuqqas ta’ attenzjoni lejn id-dati ta’ skadenza tal-ikel li jitqiegħed fil-fridges tagħna, li twassal għall-ħela tal-ikel. Hemm diversi azzjonijiet u bidliet pożittivi fl-imġieba li jistgħu jsiru minna lkoll. B’mod kollettiv, imġibiet pożittivi jistgħu jgħinu biex innaqqsu din il-kwistjoni dinjija.
Esperti dwar l-ikel jisħqu li sabiex din il-kwistjoni tkun indirizzata, il-partijiet interessati għandhom jagħmlu użu minn firxa wiesgħa ta’ għodda u soluzzjonijiet innovattivi, inkluż dawk offruti mill-bijoteknoloġija.