Esperjenza indimentikabbli għal grupp ta’ voluntiera Maltin fil-Libanu
“Il-ferħ li ħassejt f’qalbi, meta għint persuni mifnija bit-tbatija, ma ninsih qatt. Kburi li t-talenti tiegħi u ta’ sħabi li telgħu miegħi qsamnihom mal-oħrajn ”. Kliem David Rossi, organizzatur li, flimkien ma’ erba’ voluntieri oħrajn, qatta’ għaxart ijiem jgħin lil familji Sirjani f’kampijiet tar-refuġjati fil-Libanu.
David Rossi fisser li din l-avventura bdiet minn dar fil-Ħamrun li fiha jingħata tagħlim bażiku fil-kitba, fil-matematika u fil-qari minn tim ta’ voluntieri lil tfal Sirjani ta’ etajiet differenti li sabu refuġju f’pajjiżna. Darba fost oħrajn, David qasam ħsieb ma’ voluntiera dwar il-possibbilta’ li grupp ta’ Maltin jagħmel esperjenza fis-Sirja. Maż-żmien, is-sitwazzjoni fis-Sirja ħżienet iżda l-idea ma twarrbitx anzi bdew jinħmew sforzi biex flok is-Sirja l-grupp iżur il-Libanu fil-fruntiera mas-Sirja.
Fost il-voluntieri li jassistu fit-tagħlim lit-tfal Sirjani kien hemm mara Lebaniża, għalliema fl-Universita’ ta’ Bejrut, li fil-pront bdiet tikkomunika mal-kuntatti tagħha fil-Libanu. Skont David, hi kienet l-ixprun biex iż-żjara tal-grupp ta’ Maltin f’kampijiet tar-refuġjati isseħħ. Sar kuntatt ma’ organizzazzjoni Lebaniża li taħdem mat-tfal. Din l-għaqda għamlitha possibbli għall-grupp Malti biex iżur il-pajjiż fil-Lvant Nofsani u jidħol fil-kampijiet ta’ refuġjati Sirjani. L-avventura bdiet fl-10 ta’ Settembru u ntemmet fil-21 ta’ Settembru.
Il-grupp Malti kien magħmul minn ħames persuni: David Rossi, l-organizzatur; Zarifa Dag; l-għalliema Lebaniża; Valerie Camilleri, infermiera; Josephine Saliba, edukatriċi; u Lisa Caruana li wkoll għenet fit-tagħlim lit-tfal. David Rossi għex f’appartament ta’ refuġjat Sirjan, li wkoll kien ix-xufier tal-grupp, u t-tliet nisa Maltin raqdu f’appartament ieħor xi 10 minuti ‘l bogħod. Minbarra li wkoll għen fit-tagħlim, David Rossi ħa ħsieb it-tisjir u dewwaq numru ta’ riċetti Maltin lil xi wħud mis-Sirjani.
David Rossi fisser iċ-ċirkustanzi tal-ħajja fil-kampijiet f’Bar Elias, xi siegħa u nofs ‘il bogħod minn Bejrut u ħames minuti ‘l bogħod mill-fruntiera mas-Sirja. “Hemmhekk, ir-refuġjati jgħixu f’tined qishom tal-kartun b’soqfa tal-injam u jsajru direttament fuq burner”. Hu qal li l-kundizzjonijiet tar-refuġjati huma tal-biki u d-daqs ta’ kull kamp ivarja. “Kamp minnhom, per eżempju, jikkonsisti f’madwar 200 familja.” Hu żied li hemm kampijiet li jinkludu klassijiet għat-tfal sabiex dawn jidħlu fis-sistema edukattiva Lebaniża.
Mistoqsi jekk il-grupp Malti kienx fil-periklu, David Rossi qal li z-zona li kienu qed jgħixu fiha hi meqjusa bħala waħda pjuttost perikoluża. “Intbaħna kemm iz-zona kienet perikoluża dakinhar li twaqqa’ l-ajruplan Russu Il-20 fuq territorju Sirjan fit-18 ta’ Settembru”, sostna David Rossi filwaqt li żied li “t-toroq kienu kważi vojta u aħna ħsibna li kien hemm xi security alert”. Meta rritornaw fl-appartamenti tagħhom, wara ġurnata oħra mar-refuġjati, il-grupp baqa’ ġewwa u kkomunika permezz tal-emails u l-What’s App.
Dwar l-atmosfera fil-kamp, il-grupp Malti ħass ċertu tensjoni u ansjeta’ partikularment fost is-Sirjani Sunni u dawk Shia. Hu spjega li dawk li ħarġu mis-Sirja huma Sunni u jibżgħu ħafna mix-Shia. “Għaldaqstant aħna l-Maltin qagħdna attenti fid-diskors u fl-imġieba tagħna”, sostna Rossi. Hu qal li l-grupp kien iddixxiplinat ħafna u ta sehemu bl-aktar mod professjonali. “Żammejna l-koordinazzjoni għaddejja l-ħin kollu u kulħadd kien jaf x’qed jagħmel”, sostna David Rossi.
Hu stqarr li l-grupp ma marx bi strateġija imma din inbniet bil-mod il-mod malli waslu l-Libanu. “Naħseb li t-tir tagħna biex naqsmu ħajjitna ma’ nies fit-tbatija wassal għal sodisfazzjon kbir”, kompla David Rossi. Mitlub jgħid jekk jerġax imur għal esperjenza simili, hu wieġeb fl-affermattiv imma għal perijodu itwal.
Għal David Rossi, l-esperjenza tiegħu fil-Libanu kienet emozzjonanti ħafna
David Rossi żied li l-grupp Malti spiss ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ stejjer tal-biki. Esperjenza l-ġrieħi ta’ poplu li qatt ma ħolom li kien se jispiċċa fi gwerra ċivili u issa qed ibati. Pajjiż li hu għani storikament u arkejoloġikament spiċċa fi tbatija profonda. L-ironija hi li għalkemm qed jgħixu fl-għaks, fit-tensjoni u fl-inċertezza, jagħmlu minn kollox biex igawdu mill-ħajja. “Minn roqgħa ħamrija jaraw x’jagħmlu biex ikabbru ftit ħxejjex u ħwawar”, fisser David Rossi.
Xena oħra li ma jinsiha qatt hi ta’ mara liebsa l-iswed, f’nofs ta’ triq bil-karozzi ġejjin fid-direzzjoni tagħha, b’idejha ‘l fuq u twerżaq għall-għajnuna. Ħdejha kellha pushchair b’żewġt itrabi mejtin bil-ġuħ. “Għalija kienet xena ‘apokalitika’ għax meta tara mara bil-karozzi ġejjin fuqha u tittallab għall-għajnuna, x’jibqa’ fik?”, temm jgħid David Rossi.