L-arti tal-medjazzjoni
Il-proċess tal-medjazzjoni kulma jmur qed jikseb suċċess tant li minn statistiċi preliminari ta’ medjazzjonijiet li tressqu quddiem il-Qorti tal-Familja fl-2016, 42 fil-mija minnhom spiċċaw fi ftehim.
Dan qalu Mark Attard Montalto, iċ-Chairman taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni f’intervista ma’ Voice of the Workers fil-jiem li għaddew.
Hu stqarr li dan is-suċċess qed jiġi rifless, mhux biss fil-Qorti tal-Familja, imma wkoll fl-oqsma Ċivili, Kummerċjali u dawk Industrijali.
Mark Attard Montalto fisser li flok persuna tmur il-Qorti biex issolvi każ, hemm resoluzzjonijiet alternattivi għat-tilwimiet. Wieħed jista’ jew imur għall-proċess tal-medjazzjoni jew inkella għall-arbitraġġ.
Id-differenza bejniethom hi li f’arbitraġġ ikun hemm arbitru li jagħti deċiżjoni u għalhekk hu awtorita’ aġġudikatorja filwaqt li f’medjazzjoni l-medjatur ikun qed iwassal il-partijiet sabiex jippruvaw isibu soluzzjoni għal ftehim bejniethom.
L-Avukat Attard Montalto stqarr li l-validita’ ta’ dik il-medjazzjoni tiswa daqs kuntratt pubbliku. “Jekk ikollok medjazzjoni formali għandek titolu eżekuttiv, jiġifieri jkollok dokument li jiswa daqs kuntratt notarili”, fisser iċ-Chairman taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni.
Hu żied li l-benefiċċji tal-medjazzjoni huma estensivi u qal li l-pubbliku għadu ma ndunax u għadu ma għarafx biżżejjed il-vantaġġi kbar li hemm. Minbarra l-fatt li f’medjazzjoni d-diskussjonijiet ikunu bla preġudizzju u jkunu kunfidenzjali, il-benefiċċji jestendu wkoll għall-fatt li wieħed ikun jista’ jinterrompi kwalunkwe terminu ta’ żmien ta’ preskrizzjoni fil-liġijiet ta’ Malta. Dan meta jressaq medjazzjoni quddiem iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni.
Vantaġġ ieħor hu marbut mal-ispejjeż involuta u hawn l-Avukat Attard Montalto spjega li kull parti tista’ tħallas sal-massimu ta’ €120 filwaqt li jħallas miżata lill-medjatur.
Hemm ukoll l-element tal-flessibbilta’ li jagħti d-dritt lill-partijiet biex jaslu fi ftehim anki b’mod kreattiv. Jekk ma jaslux f’oqsma partikulari, jistgħu jaslu f’ċertu punti imma jibqgħu b’aspett jew tnejn pendenti.
Għalhekk minn problema li tkun ferm akbar, din tkun ridotta għal waħda inqas. Jista’ jkun li l-partijiet jaslu f’kollox għax meta jkun hemm ir-rieda tajba u jkollok medjatur espert u tekniku fil-qasam tal-kwistjoni, dawn jgħinu biex il-partijiet jiftiehmu fuq kollox.