Studju li sar waqt il-pandemija żvela kif ħafna persuni, fi żmien ta’ inċertezza, irreaġixxew għall-ikel. Wera wkoll li l-ikel kien, għadu u jibqa’ mezz importanti ta’ kif il-bniedem jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu. 

L-istudju twettaq fil-ġimgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir minn Dr. Noel Buttigieg, lettur fl-Istitut għat-Turiżmu, l-Ivjaġġar u l-Kultura fi ħdan l-Università ta’ Malta. Dan għaliex waħda mill-mistoqsijiet fis-survey kienet relatata mal-konsum tal-ikel tradizzjonali Malti. Ġara wkoll li f’dik il-ġimgħa kien rappurtat it-53 każ tal-COVID-19 u sussegwentament il-livell ta’ biża’ beda jogħla. 

Hu jgħid li fix-xhur li għaddew,  matul l-imxija, l-ikel sar mezz ta’ kif wieħed jikkomunika l-identità u l-biżgħat tiegħu.  

Minn dan is-survey, li ma damx iżjed minn sebat ijiem u fih ħadu sehem ftit aktar minn 300 persuna, ħarġu elementi interessanti.  

Dr. Buttigieg qal li wieħed mill-argumenti b’saħħithom li tqajjem matul din l-imxija, u li wkoll ħareġ minn dan l-istudju, kellu x’jaqsam  mal-ambjent. Ġew diskussi kwistjonijiet marbutin mal-produzzjoni agrikola u mas-sajd. Mhux biss qed ikun hawn tnaqqis f’dawk in-nies li jinvestu u jaħdmu fiż-żewġ setturi, imma l-produzzjoni industrijali tal-ikel qed tħabbatha bl-aktar mod ħarxa mal-għixien tal-bdiewa u s-sajjieda. Hemm  ukoll l-attitudnijiet tal-konsumatur. Dr. Buttigieg stqarr li wħud mir-raġunijiet għaliex qed naffaċċjaw dawn l-affarijiet huma wkoll riżultat tal-attitudnijiet, l-għażliet tagħna. 

 Matul dan il-perijodu ħarġu elementi li jistgħu jidhru frivoli imma huma bażiċi li jistgħu jerġgħu jwassluna biex fost affarijiet oħra nibdew nieklu ikel li jippermetti biex ma jikkaġunax mard partikulari. 

Dr. Buttigieg żied li f’dawn it-tliet xhur u nofs ġew trattati aspetti li rnexxielna mmissu ma’ ċertu aspetti li għal żmien twil konna qed inħambqu li għandna bżonn nibdew naddattaw dawn il-prattiċi. Issa li addottajnihom, issa li ħaddna sehem fihom, kapaċi nżommuhom?