Żmien tajjeb biex il-kuntratt ta’ Steward jitħassar
Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana dan l-aħħar ħabbar li għaddejja “reviżjoni tal-infiq” fid-dawl taż-żieda qawwija fin-nefqa tal-gvern biex jissussidja l-petrol u d-diesel, il-ġenerazzjoni tal-enerġija u ż-żieda fl-ispiża internazzjonali fil-prezz tal-qamħ. Dan l-eżerċizzju ta’ tnaqqis fl-ispejjeż isegwi l-aħbar li fl-2021 Malta rreġistrat defiċit rekord ta’ €1,161.7 miljun li huwa ekwivalenti għal 8% tal-prodott gross domestiku. Għalkemm dan kien marġinalment aħjar minn dak tal-2020 meta ċ-ċifra rispettiva kienet ta’ 9.5%, xorta waħda jibqa’ l-fatt li Malta spikkat għax fl-2021 kellha l-ogħla defiċit fl-UE. B’kuntrast ma’ dan fiż-żona euro d-defiċit kien ta’ 5.1% fl-2021, u 7.1% fl-2021.
Din ix-xejra qed tqajjem tħassib li Malta tista’ tkun miexja lejn Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv jekk ma jkunx hemm titjib meta jasal il-waqt li Brussell terġa’ tintroduċi l-kriterji stretti ta’ Maastricht li kienu ġew sospiżi minħabba l-pandemija. Rapport ta’ Shift News li dan se jseħħ is-sena d-dieħla, ma ġiex miċħud mill-gvern.
F’dan il-kuntest huwa inkonċepibbli aktar minn qatt qabel kif il-gvern għadu ma ħassarx il-ftehim kontroversjali tal-isptarijiet. Sal-aħħar ta’ din is-sena il-poplu se jkun ħareġ aktar minn €300 miljun lil Vitals u sussegwentement lil Steward. Dan il-ftehim skandaluż li suppost kellu jġib qabża fil-kwalità fil-kura tas-saħħa pubblika permezz ta’ investimenti kbar fosthom sptar tal-aħħar teknoloġija f’Għawdex ma seħħx. Barra minn hekk, investigazzjoni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ikkonkludiet li l-ftehim kellu jiġi revokat għas-sempliċi raġuni li kien hemm kollużjoni bejn Vitals u l-gvern, apparti irregolaritajiet oħra. Fl-2022 biss, il-gvern alloka madwar €70 miljun lil Steward.
Sa mill-bidu nett il-UHM Voice of the Workers kienet wissiet kontra dan il-ftehim u rrifjutat li jkollha x’taqsam miegħu. Kienet l-unika unjin li rrifjutat li tiffirma xi tip ta’ ftehim li kien ikun interpretat bħala li qed tagħti l-barka għal tali ftehim. Seba’ snin wara, il -UHM ngħatat raġun għax dan il-ftehim irriżulta bħala wieħed mill-akbar skandli, għad-detriment ta’ ċittadini onesti li jirrispettaw il-liġi u jħallsu t-taxxi dovuti.
Filwaqt li m’għandna xejn kontra li niżguraw li flus il-poplu jintużaw bl-aħjar mod, ma nifhmux għalfejn il-gvern qed jibqa’ jwebbes rasu u jinjora l-appelli li qed isirulu biex jirrevoka dan il-ftehim. Żgur li kwalunkwe miżura tal-gvern ta’ tnaqqis fl-ispejjeż li ma tinkludix it-tħassir ta’ dan il-ftehim isservi biss jintefa aktar melħ fil-ferita. Il-fatt hu li qatt ma kien hemm żmien aħjar biex il-kuntratt ta’ Steward jitwaqqaf u l-gvern jerġa jieħu kontroll tal-isptarijiet.