Zelenskyy lill-MPE: “Irridu ntemmu din il-gwerra b’mod ekwu u ġust”
Il-Parlament organizza sessjoni plenarja straordinarja mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy, biex jimmarka l-1,000 jum mill-invażjoni illegali tar-Russja.
Meta fetħet is-seduta, il-President tal-PE Roberta Metsola qalet li l-Parlament se jsostni l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-Ukrajna sakemm din tikseb “il-libertà u l-paċi reali, u dan mingħajr kunsiderazzjoni għal kemm ikun hemm bżonn żmien”.
Hija qalet ukoll li r-Russja nediet “attakk brutali, mhux provokat u illegali fuq l-Ukrajna iżda wkoll fuq l-ordni bbażat fuq ir-regoli”. Is-sagrifiċċju tal-poplu Ukren matul l-aħħar 1,000 jum mhuwiex biss għalihom infushom iżda għal-libertà u l-istil ta’ ħajja ta’ kull Ewropew, żiedet tgħid il-President Metsola. “Kwalunkwe paċi reali trid tinbena fuq il-prinċipju ta’ “xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna”, enfasizzat ukoll il-President Metsola meta kkonkludiet.
Zelenskyy: “Ċertament nistgħu nimbuttaw lir-Russja lejn paċi ġusta.”
Fid-diskors tiegħu, il-President Zelenskyy irringrazzja lill-UE għall-appoġġ kontinwu tagħha u qal li l-Ukrajna, l-Ewropa kollha u s-sħab tagħna fl-Amerka u madwar id-dinja rnexxielhom mhux biss “jipprevjenu lil Putin milli jieħu l-Ukrajna” iżda wkoll jiddefendu l-libertà tan-nazzjonijiet Ewropej kollha. “Putin għadu iżgħar mis-saħħa magħquda tal-Ewropa. Inħeġġiġkom biex ma tinsewx dan, u biex ma tinsewx kemm l-Ewropa tista’ tikseb. Jien ċert li nistgħu nimbuttaw lir-Russja lejn paċi ġusta. Il-paċi hija l-aktar ħaġa li nixtiequ,” żied jgħid.
Filwaqt li rringrazzja lis-sħab tiegħu għall-appoġġ tagħhom għall-Formula ta’ Paċi tal-Ukrajna, inizjattiva mmexxija mill-Ukrajna biex tinkiseb konklużjoni ġusta għall-gwerra, il-President Zelenskyy enfasizza li l-gwerra tar-Russja trid tintlaqa’ b’sanzjonijiet sodi, speċjalment kontra l-hekk imsejħa “tankers paralleli” tagħha li jittrasportaw żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi. “Putin jista’ jibqa’ joqtol sakemm dawn it-tankers jkunu qed joperaw”, huwa qal, qabel ma kompla: “Putin ma jagħtix valur lin-nies jew lir-regoli, iżda biss lill-flus u lill-poter. Dawn huma l-affarijiet li rridu nieħdulu biex nerġgħu nġibu l-paċi.”
Il-President Zelenskyy ikkonkluda billi qal: “Ħadd ma jista’ jgawdi minn baħar kalm matulmaltempata. Irridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex intemmu din il-gwerra b’mod ekwu u ġust. 1000 jum ta’ gwerra hija sfida tremenda. Irridu nagħmlu li s-sena d-dieħla tkun is-sena tal-paċi.”
Intervent mill-kelliema tal-gruppi politiċi
Il-maġġoranza tal-mexxejja tal-gruppi politiċi affermaw mill-ġdid l-appoġġ sod tagħhom għall-Ukrajna, filwaqt li appellaw lit-tmexxija tal-UE biex twassal l-armi meħtieġa biex l-Ukrajna tirbaħ il-gwerra, inkluż is-sistemi ta’ difiża tal-ajru, il-missili fuq distanza twila, it-tankijiet u d-drones. Fid-dawl tal-elezzjonijiet reċenti fl-Istati Uniti, il-Membri tal-PE qalu li l-Ewropa jeħtiġilha tibqa’ magħquda u tassumi aktar responsabbiltà, filwaqt li tkompli tipprovdi għajnuna finanzjarja u umanitarja. Diversi mexxejja tal-gruppi affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-aspirazzjonijiet ta’ sħubija tal-Ukrajna fl-UE u fin-NATO, kif ukoll għall-ħolqien ta’ pilastru tad-difiża Ewropew reali. Huma enfasizzaw li l-Ewropa ser tkompli tappoġġa lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn, b’dak kollu li hemm bżonn.
Fl-għeluq tas-sessjoni, il-President Metsola ħabbret li l-bandiera Ukrena se tittajjar maġenb dik tal-UE fil-binjiet tal-Parlament fi Brussell, Strasburgu u l-Lussemburgu.