Fl-2024, wieħed minn kull seba’ persuni li ressqu ilment għand l-Uffiċċju tal-Ombudsman kellhom il-każ tagħhom milqugħ, filwaqt li wieħed minn kull ħamsa kellu l-każ solvut mingħajr ma kien hemm bżonn ta’ investigazzjoni. 

Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-Ombudsplan tal-2025 li ġie ppreżentat dan l-aħħar fil-parlament. Il-pubblikazzjoni annwali tagħti ħarsa lejn l-attivitajiet u l-inizjattivi li l-Uffiċċju tal-Ombudsman għandu l-ħsieb iwettaq is-sena d-dieħla, waqt li jaġġorna lill-parlament dwar xi aspetti imqajma fir-rapport tas-sena ta’ qabel li kienu qanqlu tħassib. Barra minn hekk, id-dokument huwa parti mill-proċess li permezz tiegħu l-Uffiċċju jitlob fondi mill-parlament. L-2025 se tkun sena importanti għall-Uffiċċju tal-Ombudsman, għax se jagħlaq 30 sena mit-twaqqif tiegħu. 

Minn Jannar sa Awwissu 2024, l-Uffiċċju ħadem fuq 372 każ, li rrappreżentaw żieda modesta ta’ 5% fuq is-sena ta’ qabel. Iż-żieda ġiet attribwita għal attivitajiet ta’ biex iħajru l-pubbliku jfittex rimedju permezz ta’ din l-entità indipendenti, għal kwalunkwe ilment relatat ma’ entitajiet pubbliċi jew tal-Istat. 

Minn dawn il-każijiet, 211 ġew trattati mill-Ombudsman, 63 mill-Kummissarju għall-Ambjent, 58 mill-Kummissarju tas-Saħħa, u 40 mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni. Fuq nota pożittiva, ir-rapport jinnota li kien hemm żieda ta’ 30% fl-għadd ta’ investigazzjonijiet konklużi, li ammontaw għal 386. Konsegwentement, l-għadd ta’ każijiet pendenti niżel għal 280, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 38%. 

L-Uffiċċju nnota li bejn Jannar u Awwissu 2024, 485 individwu ngħataw l-għajnuna, li jirrifletti żieda notevoli ta’ 84% meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. 

Analiżi aktar profonda tal-każijiet tikkonferma li l-aktar ilment komuni kien relatat mat-trattament inġust jew nuqqas ta’ ugwaljanza, li jammontaw għal 31% tal-ilmenti kollha (117 każ). Dan kien segwit minn ilmenti relatati ma’ dewmien mhux ġustifikat jew nuqqas ta’ azzjoni, inklużi kwistjonijiet relatati ma’ listi ta’ stennija, li kienu jammontaw għal 20% tal-ilmenti (76 każ). 

Jirriżulta li minn 386 każ investigati, 56 intlaqgħu (15%), filwaqt li 88 ġew miċħuda (23%). Madankollu, 83 każ (22%) ġew riżolti sempliċiment billi ngħata parir u għalhekk ma kienx hemm ħtieġa li tinfetaħ investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, kien hemm 118-il każ li ma ġewx investigati – probabbilment għax ma kienx hemm bażi – u dawn kienu jammontaw għal 31% tal-ilmenti kollha. Fl-aħħar nett, kien hemm 33 każ li ġew miċħuda mill-Uffiċċju għal diversi raġunijiet elenkati fil-liġi, u disa’ każijiet oħra ma ġewx aċċettati għax ma kinux jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Uffiċċju. 

Ħarsa aktar wiesgħa lejn ir-rapport tindika li għat-tieni sena konsekuttiva, aktar nies fittxew rimedju permezz tal-Uffiċċju, u b’hekk inbidlet ix-xejra tas-snin preċedenti.