Il-kanċer kien responsabbli għal kwart tal-imwiet irreġistrati f’Malta fl-2023, rata li hija fil-livell tar-rata rispettiva għall-pajjiżi żviluppati tal-Punent u dawk b’livell tal-għixien għoli.

Din l-istatistika ħarġet fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, li staqsa lill-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela għal statistika dettaljata tal-kawżi kollha tal-imwiet irreġistrati sentejn ilu.

Jirriżulta li fl-2023 mietu 985 persuna bil-kanċer minn total ta’ 4,033 imwiet irreġistrati. Analiżi ulterjuri turi li l-ikbar numru ta’ mwiet kienu dovuti għal kanċer tal-pulmun, li kien responsabbli għal 195 każ – kundizzjoni marbuta b’mod qawwi mat-tipjip, iżda mhux dejjem. It-tieni l-ogħla kawża kienet kanċer tal-frixa (98 każ), segwit minn kanċer tal-imsaren (92 każ). Il-kanċer tas-sider kien responsabbli għal 72 mewta. Barra minn hekk, kien hemm 528 fatalità elenkati taħt ‘tipi oħra ta’ kanċer’.

Madwar id-dinja, il-kanċer huwa responsabbli għal madwar wieħed minn kull sitt imwiet – bejn 16% u 17%. Madankollu, din ir-rata tvarja bejn 25% sa 30% f’pajjiżi tal-Punent u dawk li għandhom livell tal-għajxien għoli, waqt li tinżel għal bejn 10% u 15% f’pajjiżi foqra minħabba kawżi oħra tal-mewt relatati mal-istandard baxx tal-għajxien.

Dan jidher b’mod partikolari fil-kanċer tas-sider. F’pajjiżi b’Indiċi ta’ Żvilupp Uman (HDI) għoli ħafna, waħda minn kull 12-il mara tiġi djanjostikata bil-kanċer tas-sider tul ħajjitha, u waħda minn kull 71 mara tmut kaġun ta’ dan. B’kuntrast, f’pajjiżi b’HDI baxx, filwaqt li waħda minn kull 27 mara tiġi djanjostikata bil-kanċer tas-sider, waħda minn kull 48 mara tmut.

Aktar minn 35 miljun każ ġdid ta’ kanċer huma mistennija sal-2050, żieda ta’ 77% mill-20 miljun każ stmat fl-2022. Iż-żieda qawwija fil-piż globali tal-kanċer tirrifletti kemm ix-xjuħija kif ukoll t-itkabbir tal-popolazzjoni. Dan apparti li n-nies qed ikunu esposti iktar għal fatturi ta’ riskju li  ħafna minnhom huma marbuta ma’ żvilupp soċjo-ekonomiku. It-tipjip, l-alkoħol u l-obeżità huma fost il-fatturi ewlenin wara l-inċidenza dejjem tikber tal-kanċer, fil-kwalità tal-arja tibqa’ fattur importanti ta’ riskju ambjentali.

Lura għas-sitwazzjoni f’Malta, it-tieni l-aktar kawża fatali ta’ mewt kienet relatata ma’ attakki tal-qalb jew kundizzjonijiet kroniċi li wasslu għal 560 mewt. Mard relatat mas-sistema ċirkolatorja kkawża 384 mewt, filwaqt li d-dimensja – li twassal biex il-pazjent jitlef il-memorja saħansitra biex jagħmel funzjonijiet bażiċi bħal jiekol – ikkawżat 333 mewt. Mard respiratorju, li huwa marbut ma’ kwalità fqira tal-arja u tipjip fost affarijiet oħra, kien responsabbli għal 240 mewt. Interessanti, il-fatt li l-Covid-19 ikkawża 53 mewt fl-2023 – tnaqqis drastiku meta mqabbel mas-snin tal-pandemija bejn l-2020 u l-2022, meta l-imwiet kienu 191, 209 u 202 rispettivament.

Fl-2023 kien hemm 13-il każ ta’ trabi li mietu minħabba kumplikazzjonijiet waqt jew immedjatament wara t-twelid, jew matul it-tqala. Kien hemm ukoll każ ta’ mara li tilfet ħajjitha minħabba komplikazzjonijiet fil-perjodu sa 42 jum qabel jew wara t-twelid.