Wasal iż-żmien li tidħol sħubija obbligatorja f’unjin għal ħaddiema bi dħul baxx
Għal snin sħaħ, il-proposta għas-sħubija obbligatorja f’unjins, li tressqet mill-UHM Voice of the Workers, baqgħet fil-periferija tal-arena politika f’Malta. Din il-proposta, immirata biex tiġġieled l-isfruttament u l-abbuż fuq il-post tax-xogħol, reġgħet tqajment dan l-aħħar mill-Moviment Graffitti. Filwaqt li l-gvern u l-oppożizzjoni jidhru li qed joqogħdu lura, probabbilment biex ma jurtawx lil minn min iħaddem, ir-realtà hija li n-nuqqas ta’ miżuri b’saħħithom biex jiġġieldu l-prekarjat wasslet biex l-isfruttament ikompli jżid.
Rapporti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jaħdmu b’paga miżera, xi drabi sfurzati jaħdmu sigħat twal, saru xi ħaġa komuni. Dawn il-ħaddiema li xi drabi jkollhom tnaqqis mill-paga għax taparsi jħallsu t-taxxa, jgħixu f’postijiet iffullati u neqsin mill-ħtiġijiet sanitarji bażiċi. L-isfruttament ta’ dawn il-ħaddiema vulnerabbli saret kwistjoni evidenti, u għalhekk titlob azzjoni immedjata u soda.
Sħubija obbligatorja f’unjin għal dawk bi qligħ baxx tindirizza l-aktar membri vulnerabbli tal-forza tax-xogħol, u mhix biss soluzzjoni loġika iżda waħda neċessarja. Il-kritiċi jpinġu din il-proposta bħala drakonjana u anti-demokratika, u jippruvaw jagħtu l-impressjoni li din tapplika għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mill-impjieg jew id-dħul tagħhom. Dan hu qerq. Il-proposta hi mfassla speċifikament biex tipproteġi lill-ħaddiema bi dħul baxx, filwaqt li jżommu l-libertà li jagħżlu l-unjin tagħhom jew saħansitra jiffurmaw house union.
Il-kritiċi jistgħu jargumentaw ukoll li l-proposta hija paternalistika, iżda hemm preċedenti fejn il-gvern ma qagħadx lura milli jieħu pożizzjoni bħal din. Pereżempju l-obbligu li kull karozza tkun assigurata, hija aċċettata bħala regolament meħtieġ biex jiġu protetti l-individwi u s-soċjetà. Bl-istess mod, l-introduzzjoni ta’ kwoti femminili fl-elezzjonijiet ġenerali, għalkemm kontroversjali, ġew implimentati biex tiġi indirizzata l-inugwaljanza bejn is-sessi. Allura jekk miżuri bħal dawn ġew aċċettati, għaliex għandna nibżgħu mis-sħubija obbligatorja f’unjin biex nipproteġu lil dawk li huma l-aktar f’riskju ta’ sfruttament?
Is-sitwazzjoni attwali titlob azzjoni. Il-gvern ma jistax ikompli jwarrab din il-proposta u minflok għandu jesplora toroq vijabbli għall-implimentazzjoni tagħha. Filwaqt li jista’ jkun hemm tħassib li min iħaddem jipprova jdur mis-sistema billi joħloq unions fantażma, dawn jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri, kif issuġġerit mill-Moviment Graffitti. Qafas li jinkludi sorveljanza stretta u pieni għan-nuqqas ta’ konformità jista’ jiżgura li l-ispirtu tal-liġi jinżamm u li l-ħaddiema jirċievu l-protezzjoni li jixirqilhom.
Wasal iż-żmien għal deċiżjonijiet kuraġġużi. L-isfruttament tal-ħaddiema vulnerabbli hu tebgħa fuq is-soċjetà tagħna, li ma tistax tiġi injorata aktar. Sħubija obbligatorja f’unjin, hija pass lejn il-ġustizzja fuq il-post tax-xogħol. Wasal iż-żmien li nibdew nieħdu din il-proposta bis-serjetà u naħdmu biex titwettaq. Il-ġid tal-membri l-aktar vulnerabbli tas-suq tax-xogħol tagħna jiddependi minn din il-miżura.