Fl-2016, is-servizz tal-ġarr tal-merkanzija bil-baħar minn Sa Maison, il-Pietà, lejn Għawdex kien twaqqaf — biex saret jott marina. Dan wassal biex  it-traffiku kollu tal-vetturi kbar li jkunu sejrin lejn Għawdex ikollu jgħaddi miċ-Ċirkewwa. Disa’ snin wara, il-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni huma ċari.

Vetturi tal-ġarr tal-merkanzija u makkinarju tal-kostruzzjoni li jridu jmorru Għawdex issa jridu jgħaddu minn triq waħda li tgħaddi minn San Pawl il-Baħar, ix-Xemxija u Selmun sal-Mellieħa. Din it-triq qatt ma kienet maħsuba għal dan il-volum ta’ traffiku, għax hi kemxejn limitata fl-ispazju tant li għandha karreġġjata waħda. Li tiddependi kompletament fuq din ir-rotta la huwa la prattiku u lanqas effiċjenti.

Barra minn hekk, l-impatt ambjentali hu kbir. Skont l-esperti tal-Malta Maritime Forum, jekk saħansitra 30% biss minn din il-merkanzija tiġi trasferita fuq vapur roll-on/roll-off li jitlaq mill-Port il-Kbir, jistgħu jiġu ffrankati madwar 2 miljun kilo ta’ CO₂ fis-sena. Dan jgħin biex tonqos il-konġestjoni u t-tniġġis — b’konformità mal-miri ambjentali nazzjonali.

Sadattant fil-Port il-Kbir ukoll qed isir investiment f’infrastruttura apposta biex il-vapuri jkollhom provvista tal-elettriku apposta minn max-xatt stess. Proġetti bħall-Grand Harbour Clean Air jippermettu lill-vapuri jieħdu l-elettriku mid-distribuzzjoni tal-pajjiż waqt li jkunu sorġuti, u dan inaqqas l-emissjonijiet b’aktar minn 90% u tal-CO₂ b’madwar 40% — prova li l-merkanzija marittima tista’ tkun effiċjenti u nadifa fl-istess ħin.

Minn perspettiva ta’ loġistika, jagħmel sens li l-merkanzija titlaq mill-Port il-Kbir: dan jinsab eqreb lejn iż-żoni industrijali ċentrali u tan-nofsinhar ta’ Malta, u b’hekk jitnaqqas il-ħin u l-ispejjeż tat-trasport. Għalkemm il-vjaġġ bil-baħar ikun kemxejn itwal, l-ispiża żejda tal-fjuwil x’aktarx tiġi kkumpensati bit-tnaqqis tat-tniġġis, it-traffiku  l-ispejjeż għall-operaturi tal-merkanzija.

Pass prattiku jista’ jkun li jsir perjodu ta’ prova jew proġett pilota permezz ta’ vjaġġ wieħed kuljum minn it-Tnejn sal-Ġimgħa bl-MV Gaudos, li jista’ jittrasporta merkanzija mingħajr ma jaffettwa wisq is-servizz tal-passiġġieri għax jesa inqas karozzi minħabba li m’għandux hoistable deck. Dan il-proġett pilota jkun indikazzjoni jekk is-servizz tal-merkanzija mill-Port il-Kbir hux vijabbli. Jekk jirnexxi, tista’ tkun esplorati wkoll il-possibbiltà ta’ vapur ġdid apposta għall-ġarr tal-merkanzija.

Din mhix proposta radikali – hija korrezzjoni għal żball li sar disa’ snin ilu. Id-deċiżjoni tal-2016 biex issir jott marina serviet l-interessi ta’ xi wħud iżda ġabet piż li fuq il-loġistika u l-infrastruttura bejn iż-żewġ gżejjer. Ir-ritorn tas-servizz tal-merkanzija mill-Port il-Kbir jgħin biex tonqos il-pressjoni fuq it-toroq fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, jitnaqqas it-tniġġis u tiżdied l-effiċjenza tal-ekonomija Maltija.

Bħala pjan fit-tul jista’ wkoll jiġi kkunsidrat li r-rotta tkun estiża mill-Freeport f’Birżebbuġa. Dan mhux biss ikun pass lejn trasport aktar effiċjenti, iżda jkun ukoll konformi mal-isforzi globali biex jonqos it-tniġġis.

Wasal iż-żmien li ntejbu t-trasport bejn Malta u Għawdex. Ir-ritorn tar-rotta tal–merkanzija bil-baħar iwassal għal arja aktar nadifa, loġistika effiċjenti, u użu aktar effettiv tal-portijiet tagħna.