Trid tegħleb l-apatija fix-xogħol?
Irridu naħdmu. M’hemmx argumenti. Ħafna minna nqattgħu perijodu twil ta’ żmien nagħmlu serje ta’ dmirijiet li jiġġeneraw biżżejjed dħul sabiex isostni lil ħajjitna.
Sakemm m’intix xi wieħed jew waħda minn 0.0001 fil-mija ta’ dawk li huma sinjuri żżejjed biex jaħdmu, inti taqa’ x’imkien bejn dawn ir-realtajiet: tqum mimli enerġija biex taħdem jew tisħet it-tmien sigħat jew it-12-il siegħa li ġejjin.
Bħala medja, inti probabbilment qiegħed/a bejn it-tnejn – mhux neċessarjament tkun eċitat/a biex tmur taħdem imma lanqas tisħet is-siegħa u l-mument biex tmur għax-xogħol. L-aħbar it-tajba hi li, tal-inqas, tħoss xi ħaġa. Din l-emozzjoni tiggwidana matul il-karrieri tagħna. Jekk tafda l-istint tiegħek, mela din l-emozzjoni servietek tajjeb.
Madankollu, jeżisti t-tielet tip ta’ persuna. Din il-persuna la tħobb u lanqas tobgħod l-impjieg tagħha. Minflok, ma tħossx xejn. Tali nies jitfaċċaw ikaxkru saqajhom lejn il-post tax-xogħol u moħħhom biss biex jirċievu l-paga fl-aħħar tax-xahar. Dawn la għandhom u lanqas jixtiequ li jkollhom l-abbilta’ sabiex itejbu l-karriera tagħhom. Inti li qed taqra dan l-artiklu: tbiegħed minn dawn in-nies, għax huma morda bl-agħar kankru tal-karriera li hu magħruf mill-bniedem: l-apatija fix-xogħol.
Kull wieħed u waħda minna għandna sors differenti ta’ motivazzjoni meta niġu biex naħdmu. Sew jekk ikun is-sodisfazzjon li ngħinu lil ħaddieħor, il-paga komda jew il-familja li nappoġġjaw, ilkoll għandna raġuni għaliex noħorġu naħdmu. Ebda raġuni m’hi ħażina.
Kuljum nimxu fuq dan is-sors ta’ enerġija biex inlaħħqu mal-ġurnata tax-xogħol. Xi nies isibu biżżejjed sodisfazzjon fix-xogħol li jsir sors fit-tiġdid tal-enerġija. Maż-żmien, is-sorsi tagħna tal-enerġija jinbidlu. Forsi nesperjenzaw xi inkwiet fil-familja. Forsi meta ngħinu persuni ingrati, titnaqqrilna s-sodisfazzjon tagħna. M’hemmx għalfejn ngħidu, aħna nqattgħu l-karrieri tagħna nsibu r-raġuni biex nimxu ‘l quddiem. Dan sakemm naħbtu mal-kankru fil-karriera: l-apatija. L-apatija tegħleb il-motivazzjoni bħal tumur. Tipprova tiġġildilha imma tkompli tieklok sakemm ma jifdal xejn għajr dawn is-sintomi: nuqqas ta’ interess f’xogħolok; ma jimpurtakx fis-suċċess jew fil-progress tiegħek; komunikazzjoni fqira; attitudni ċinika; u ebda xewqa li tmur lil hinn minn dak li hu mistenni minnek. Persuna li tbati bl-apatija tinġarr matul il-ħajja. Tgħodd il-ġranet sakemm tiġi biex tirtira. Veru ħasra!.
X’jiġri jekk ikollok din il-marda? X’tagħmel jekk xi darba tqum u ma jimpurtakx aktar mix-xogħol? Hemm rimedju għall-apatija, imma mhux faċli biex tamministraha. Ir-rimedju għall-apatija mhix li ssib impjieg ġdid u lanqas mhi l-kisba ta’ aktar flus. Hu l-għarfien u l-apprezzament tagħna nfusna. Ilkoll għandna ħajja waħda. Meta nirrealizzaw li l-ħajja toffri aktar mill-paga, nistgħu biss nieħdu azzjoni f’direzzjoni ġdida. Hekk biss nistgħu negħlbu l-apatija.
Ikun hemm ġranet li nibżgħu biex nimxu ‘l quddiem. Xi kultant noqogħdu lura u nħallu l-ħajja tgħaddi. Iżda mbagħad naħsbu kif se nħarsu lejn il-ħajja meta nixjieħu. Se nkunu dispjaċuti jew kburin bil-vjaġġ tagħna? L-apatija twassalna biss għad-dispjaċir.
Mhux faċli li taċċetta li t-twettiq tal-ħolm hu għażla reali għal ħajjitna. Ilkoll mogħnija b’sett uniku ta’ ħiliet u talenti sabiex nikkontribwixxu xi ħaġa fid-dinja. Dan ir-rimedju hi ‘pillola’ iebsa biex tibla, imma hu l-uniku mod sabiex tegħleb il-‘kankru’ li jeqred tant vjaġġi.
Bħal kull marda oħra, hu importanti li wieħed jieħu ż-żmien biex jirkupra. Tista’ tħossok instabbli għall-ewwel, imma malajr terġa’ iġġib saħħtek f’riġlejk, f’dirgħajk u l-aktar importanti f’qalbek.
Imbagħad, u biss f’dak iż-żmien, tista’ tkun lest/a li ssegwi l-ħajja li inti kont intenzjonat li tgħix.