Traffiku: Kollox staġnat
Issa għadda kważi xahar mill-bidu tas-sena skolastika l-ġdida, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’Malta, li diġà kienet imwegħra, marret għall-agħar. Jidher li minkejja li titlaq kmieni għax-xogħol, il-konġestjoni tat-traffiku hi inevitabbli. Fil-fatt, anke jekk titlaq saħansitra fis-6:15 ta’ filgħodu, m’hemmx garanzija li tasal fid-destinazzjoni tiegħek mingħajr problemi. Ir-raġuni wara dan l-kaos hi magħruda: kulħadd qed jipprova jevita t-traffiku billi jitlaq iktar kmieni, bir-riżultat li issa l-konġestjoni qed tibda qabel u ttul il-ġurnata kollha. Dan juri biċ-ċar li l-problema tmur lil hinn mit-trasport tal-iskejjel — in-netwerk tat-toroq ta’ Malta laħaq il-limitu.
L-għerq tal-problema huwa dan: ir-rata li biha l-karozzi privati qed jiżdiedu qabżet b’mod sinifikanti il-proġetti infrastrutturali biex jakkomodahom. Kull ma trid hu inċident żgħir biex it-traffiku kollu jieqaf, u jistaġna nofs il-pajjiż. Quddiem tali kriżi, jidher li l-gvern jinsab mifxul k biex isib soluzzjoni.
Id-deċiżjoni li tal-linja jkunu b’xejn kienet inizjattiva tajba, imma ma għamlitx l-effett mixtieq. Fil-ħinijiet ta’ traffiku qawwi, ċerti zoni bħall-Imsida u l-Flyover tal-Bombi fil-Floriana ikunu qishom xeni ta’ xi film, b’folol kbar ta’ nies jistennew karozzi tal-linja mimlijin sa ruħ ommhom. Imma dan qed jolqot ħażin il-kwalità tas-servizz, għax qed ikun hemm min jibqa’ l-art u jasal tard. Esperjenzi bħal dawn żgur mhumiex qed iħajjru lin-nies iħallu l-karozzi tagħhom id-dar u jużaw tal-linja. Sitwazzjoni bħal din fejn is-servizz mhux ilaħħaq mad-domanda qed tiskoraġġixxi lil dawk li jikkunsidraw jużaw it-trasport pubbliku.
Allura x’inhi t-triq ’il quddiem? Żgur m’għandhiex tkun miżuri ta’ kastig bħal taxxi ġodda, li mhux ser jagħmlu xejn ħlief jolqtu ħażin liż-żgħir u jkabbru l-inugwaljanza soċjali. Soluzzjonijiet ta’ malajr bħal dawn ma jagħmlu xejn biex jindirizzaw il-kwistjonijiet fundamentali. Minflok, Malta teħtieġ alternattivi tanġibbli u fit-tul — soluzzjonijiet fattibbli bħal sistema ta’ trasport tal-massa.
Sfortunatament, il-wegħda ta’ sistema tal-metro mħabbra qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali ma kienet xejn għajr ħolma fiergħa. Dan wassal għal sfiduċja fil-kapaċità tal-gvern li jwettaq soluzzjonijiet reali għat-trasport.
Sadanittant, jidher li l-awtoritajiet jinsabu kuntenti jagħmlu xejn jew qatgħu qalbhom, bit-tama li s-sitwazzjoni titjieb b’mod waħedha b’mod mirakoluż jew iħalluha għal xi gvern futur biex isolviha. Qisek taf li se tidħol f’ħajt u tagħmel xejn biex tbiddel id-direzzjoni. Il-kriżi tat-traffiku f’Malta teħtieġ azzjoni immedjata, mhux inerzja politika. Ma nistgħux nibqgħu ninjoraw il-problema u naħsbu li se tissolva waħedha. Wasal iż-żmien li l-gvern jieħu passi sinifikanti qabel ma l-pajjiż jieqaf kompletament.