Tradiment ta’ €400 miljun – 10 snin wara

Fl-2015, il-faċċata tat-Times of Malta kienet tat prominenza kbira lil dak li kien qal l-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta ħabbar investiment ta’ €200 miljun fis-sistema tas-saħħa f’Malta. Il-ftehim, li kien sar ma’ Vitals Global Healthcare (VGH), suppost kellu jirrivoluzzjona tliet sptarijiet pubbliċi—San Luqa, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Il-pubbliku ġie mwiegħed li dan il-ftehim kien se jwassal għal tnaqqis fil-listi ta’ stennija, ma jibqax ikun hemm iktar pazjenti fil-kurituri, u tiżdied il-kwalità tas-servizz tas-saħħa.
Issa li għaddew għaxar snin nistgħu ngħidu li r-realtà hija ħafna agħar milli ħadd stenna. Mhux talli l-ftehim falla kompletament, talli spiċċa fost l-akbar skandli fil-politika Maltija. L-isptarijiet ġew mogħtija lil kumpanija mingħajr l-ebda esperjenza fit-tmexxija tal-kura tas-saħħa, li flok wettqet l-obbligi tagħha, eventwalment biegħet il-konċessjoni lil Steward Healthcare f’arranġament li l-qorti aktar tard iddeskriviet bħala frodi ppjanata minn qabel. U mhux talli ma swietx €200 miljun kif kien mistenni, talli l-Awditur Ġenerali ikkonferma li l-ftehim sewa €400 miljun mit-taxxi tal-poplu li tagħhom ma ħadna xejn lura.
Xibka ta’ ingann u kollużjoni
Mill-bidu nett, kien hemm dubji serji dwar il-futur tal-proġett. VGH ripetutament naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom, fallew milli jilħqu l-miri ta’ investiment, u naqsu milli jagħtu l-aġġornamenti mwiegħda. Il-proġett kixef tmexxija ħażina finanzjarja u kollużjoni fl-ogħla livelli.
Investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali aktar tard ikkonfermat dak li ħafna kienu ilhom jissusspettaw: il-proċess kollu kien miftiehem minn qabel. L-Awditur sab evidenza ta’ kollużjoni bejn il-gvern u VGH qabel mal-konċessjoni kienet biss ngħatat. Dan ifisser li dak li ġie ppreżentat lill-pubbliku bħala proċess miftuħ u kompetittiv kien, fir-realtà, trasferiment ippjanat minn qabel tal-isptarijiet pubbliċi lejn interessi privati.
Meta Steward Healthcare ħadu f’idejhom il-kuntratt, huma wkoll fallew milli jwettqu l-obbligi tagħhom u aktar tard ammettew li l-kuntratt kien “ma jistax jiġi infurzat” minħabba djun moħbija u obbligi sigrieti.
F’sentenza storika, l-Imħallef Francesco Depasquale annulla l-kuntratt, u ddeskrivih bħala frodi kontra l-poplu Malti. Din is-sentenza ikkonfermat is-suspetti li kien tnisslu minn ġurnalisti, whistleblowers, u għaqdiet tas-soċjetà ċivili għal snin sħaħ. Fissret ukoll li €400 miljun ġew mormija—u ma baqa’ xejn x’juri għalihom.
Responsabbiltà politika u l-piż fuq il-poplu
Dan l-iskandlu jqajjem mistoqsijiet fundamentali dwar ir-responsabbiltà politika u t-tmexxija f’Malta:
- Min kien responsabbli li jevalwa lil VGH qabel ma tawhom it-tmexxija ta’ infrastruttura nazzjonali tant kruċjali?
- Għaliex ġew injorati t-twissijiet?
- Għaliex il-gvernijiet suċċessivi komplew jiddefendu dan il-ftehim, anke meta kien ċar li kien qed jaqa’ biċċiet?
Lil hinn mill-konsegwenzi legali u politiċi, l-impatt fuq is-sistema tas-saħħa Maltija huwa ħażin. L-investiment imwiegħed qatt ma seħħ, il-listi ta’ stennija għadhom twal, u xeni ta’ pazjenti fuq stretchers fil-kurituri għadhom realtà. Sadanittant, il-taxxi tal-poplu li setgħu jintużaw biex jissaħħaħ is-settur tas-saħħa spiċċaw fiċ-ċpar ta’ korruzzjoni u amministrazzjoni ħażina.
It-triq ‘il quddiem
Issa li l-Qorti xoljiet il-ftehim, l-enfasi trid tkun kif nistgħu niżguraw li ssir ġustizzja u li skandli bħal dawn ma jerġgħux jiġru. Il-poplu Malti jixraqlu trasparenza sħiħa fuq fejn spiċċaw dawn il-flus u min kien responsabbli. Jekk tkun provata xi ħtija, dawk involuti għandhom jinżammu responsabbli—kemm jekk fil-politika, in-negozju, jew fl-amministrazzjoni pubblika.
L-aktar ħaġa importanti hija li Malta terġa’ tibni l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħha. Proġetti ta’ privatizzazzjoni ta’ din il-portata għandhom ikunu soġġetti għal skrutinju strett, u kuntratti li jaffettwaw servizzi essenzjali m’għandhomx jibqgħu mistur wara sigrieti u arranġamenti moħbija.
L-iskandlu Steward-VGH huwa lezzjoni xejn sabiħa dwar x’jiġri meta l-konvenjenza politika, ir-rgħiba, u n-nuqqas ta’ tmexxija istituzzjonali jieħdu post l-interess pubbliku.
Issa, f’idejn l-istituzzjonijiet—u fl-aħħar mill-aħħar, f’idejn il-poplu Malti—biex jiżguraw li tradiment bħal dan ma jerġax jiġri.