Tonqos is-saħħa tal-pagi filwaqt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja qed isir iktar diffiċli
Il-ħaddiema Maltin qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex ilaħħqu bejn ix-xogħol u l-ħajja personali tagħhom, skont studju internazzjonali. Jirriżulta li f’dan ir-rigward f’sitt snin biss Malta niżlet mit-tieni għall-15-il post fost is-27 stat membru tal-UE. Dan id-deterjorament tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ħareġ fl-Indiċi Ewropew tal-Kwalità tal-Impjiegi ppubblikat mill-Istitut Ewropew tat-Trade Unions (ETUI).
Dan l-indiċi jiġbor sitt indikaturi ewlenin bil-għan li titqabbel il-kwalità tal-impjiegi madwar l-UE kif ukoll li tanalizza ċertu xejriet matul iż-żmien.
Ta’ tħassib partikolari għall-ħaddiema Maltin kienu żewġ indikaturi partikolari. Fl-indiċi tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata Malta kisbet punteġġ ta’ 76 minn mija li hu livell kemxejn taħt il-medja tal-UE, iżda iktar sinifikanti minn hekk hu l-fatt li mill-2015 sal-2021 tilfet 13-il post. Dan l-indiċi jqis sigħat twal tax-xogħol (aktar minn 48 fil-ġimgħa), ħinijiet strambi, sigħat bis-shift, u l-impatt fuq l-attivitajiet personali u l-impenji soċjali. F’dan l-indikatur l-Isvezja tinsab fuq quddiem fil-lista segwita mid-Danimarka u l-Ġermanja filwaqt li l-Greċja u l-Polonja jinsabu l-aħħar u qabel tal-aħħar rispettivament.
It-tieni sorsi ta’ tħassib li ħareġ minn dan l-istudju hu dwar il-livell tal-pagi. F’dan l-indikatur, Malta kisbet punteġġ ta’ 59.3 minn 100, u niżlet ir-raba’ mill-aħħar bi tliet pajjiżi biss agħar minna li huma l-Greċja, ir-Rumanija u l-Bulgarija. Il-bqija tal-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa li sa ftit ilu kienu meqjusa bħala l-istati membri ‘fqar’ qabżu lil Malta, li tinsab ferm taħt il-medja tal-UE li hi ta’ 69.2. Minbarra li jqis id-dħul, dan l-indikatur ikejjel ukoll it-tbassir ta’ kemm se jkun id-dħul u l-adegwatezza biex b’din il-paga tlaħħaq mal-ħajja. Din ix-xejra partikolari hija xhieda ulterjuri tad-diffikultajiet tal-maġġoranza tal-ħaddiema Maltin, speċjalment dawk li tal-middle class biex ilaħħqu maż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja li qed tnaqqar is-saħħa tal-paga tagħhom.
Il-pożizzjoni ġenerali ta’ Malta f’dan l-indiċi kienet il-11-il post b’punteġġ ta’ 57.1 li kien ogħla mill-medja tal-UE li kien ta’ 51.6. L-indikaturi pożittivi li wasslu lil Malta għal pożizzjoni rispettabbli kienu s-sigurtà tal-impjieg li fiha ikklassifikat fis-7 post, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-karriera wkoll fis-7 post, il-kundizzjonijiet tax-xogħol fid-9 post, u r-rappreżentanza tal-interessi kollettivi li hija kejl tal-livell ta’ kemm hawn ħaddiema membri f’union, fejn Malta ġiet fit-12-il post.