Tnaqqis fir-rata tal-kriminalità minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni

Minkejja ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni, ir-rata tal-kriminalità f’Malta naqset minn 45 każ għal kull 1,000 persuna fl-2004 għal 30 każ fl-2024. Din ix-xejra ħarġet minn rapport annwali tal-Professur Saviour Formosa.
Dawn il-konklużjonijiet tar-rapport setgħu ħasdu xi li xi wħud, speċjalment f’lokalitajiet li fl-aħħar snin esperjenzaw influss kbir ta’ barranin fost ilmenti dwar żieda fi problemi ta’ ordni pubbliku u sigurtà. Madankollu, skont dan ir-rapport, din l-impressjoni ma tidhirx li għandha bażi, peress li l-kriminalità b’mod ġenerali qed tonqos, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti reati bħal pickpocketing, li fl-2024 żdied.
B’mod partikolari, is-16,662 każ irrappurtat kienu ferm inqas milli mistenni, minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni matul is-snin. Skont l-istimi bbażati fuq iċ-ċifri tal-2004, ir-rata mistennija kellha tkun ta’ 25,820 każ, jew 21,592 każ skont iċ-ċifri tal-2014.
Ir-rata ta’ omiċidji fl-2024 kienet ta’ 0.7 għal kull 100,000 persuna, li hi inqas minn dik ta’ 1.7 li kienet reġistrata fl-2004, 2012 u 2022, għalkemm xi ftit ogħla mir-rata ta’ 0.4 ta’ fl-2023. Il-kriminalità vjolenti naqset ukoll għal 344 każ fl-2 024. Filwaqt li f’ċerti kategoriji l-każijiet ta’ serq żdiedu, b’mod partikolari serq relatat mal-industrija tad-divertiment u l-pickpocketing (li tela’ minn 405 każi fl-2023 għal 650 każ fl-2024), dan jenfasizza l-bżonn kontinwu ta’ għarfien biex il-pubbliku dejjem jibqa’ viġilanti.
Ir-rapporti dwar vjolenza domestika komplew jiżdiedu kull sena sa mill-2007, u laħqu 2,225 każ fl-2024, bi 78% minnhom relatati ma’ ħsara psikoloġika. Barra minn hekk, il-każijiet ta’ ġrieħi gravi kawża ta’ aggressjoni żdiedu. Minkejja ż-żidiet f’ċerti kategoriji, naqsu b’mod sinifikanti r-reati relatati ma’ użu ħażin tal-kompjuters, ħsarat, u frodi. Is-serq minn residenzi baqa’ baxx b’513-il każ – it-tieni l-inqas ammont wara l-2023 meta kien hemm 479 każ.
Każi ta’ vjolenz u serq ta’ vetturi kienu fl-inqas livelli rreġistrati. Il-każijiet ta’ sabutaġġ (arson) baqgħu wkoll fost l-inqas livelli fl-aħħar 20 sena. Ġeografikament, il-mudell RISC identifika l-Imdina bħala li għandha rata ta’ kriminalità aktar minn ħames darbiet il-medja nazzjonali (minħabba d-daqs żgħir tagħha meta mqabbel man-numru ta’ viżitaturi), filwaqt li San Ġiljan, il-Mosta, il-Floriana u l-Belt Valletta niżlu fil-kategorija ta’ bejn darbtejn u ħames darbiet daqs il-medja.
Madankollu, il-maġġoranza tal-lokalitajiet issa jinsabu fi ħdan jew taħt ir-rata nazzjonali, bi 17-il lokalità fil-kategorija kemxejn ogħla (bejn darba u darbtejn ir-rata nazzjonali). Għawdex ra tnaqqis ta’ 23% fir-rapporti ta’ kriminalità, bir-rati ta’ serq fl-inqas livelli rreġistrati fl-aħħar 20 sena. Hekk kif ix-xejriet tal-kriminalità qed jinbidlu, l-istatistika turi l-importanza li jitkompla l-għarfien u l-attenzjoni pubblika biex dawn l-iżviluppi pożittivi jinżammu.