Theddida għall-ġustizzja u d-demokrazija
Id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela meta qal li talab lill-Ministru tal-Ġustizzja biex jirriforma l-proċess ta’ kif l-inkjesti maġisterjali jiġu mitluba u mwettqa jqajjem tħassib serju dwar l-istat tal-kontabbiltà u t-trasparenza f’Malta. L-implikazzjonijiet tal-kummenti iqanqlu tħassib li se jkun qed jitnaqqas id-dritt taċ-ċittadini ordinarji li jitolbu dawn l-inkjesti. Dan il-pass , mhux biss huwa perikoluż iżda potenzjalment jirrifletti nuqqas ta’ fiduċja jew saħansitra biża’.
Jekk il-gvern ma għandu xejn x’jaħbi, m’għandux għalfejn jibża’ minn inkjesti maġisterjali. Dawn l-inkjesti huma essenzjali biex jipproteġu l-interess pubbliku, speċjalment meta jfeġġu allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u abbuż. L-aħħar allegazzjonijiet—li jvarjaw minn irregolaritajiet fl-allokazzjoni tal-irmiġġi tal-vapuri fil-Port tal-Imġarr sa akkużi marbuta ma’ impjegata tat-Transport Malta—mhumiex trivjali. Dawn l-akkużi huma speċifiċi, jsemmu persuni b’isimhom, u jistħoqqilhom investigazzjoni bir-reqqa.
L-inkjesti maġisterjali spiss huma l-uniku mezz għaċ-ċittadini ordinarji biex ifittxu l-ġustizzja meta l-pulizija jonqsu milli jaġixxu. Is-sistema attwali diġà tinkludi salvagwardji biex ikun evitat l-abbuż. Il-maġistrati jevalwaw kull talba għal inkjesta u jiżguraw li allegazzjonijiet frivoli ma jimblukkawx il-proċess ġudizzjarju. Hemm ukoll il-possibbiltà ta’ appell, li żżid saff ieħor ta’ skrutinju. Ejja ma ninsewx li l-inkjesti huma ffukati biss fuq il-preservazzjoni tal-provi, u mhux fuq id-determinazzjoni tal-ħtija.
Minflok inaqqsu dan il-mekkaniżmu kruċjali, ir-riformi għandhom jimmiraw li jsaħħuh. Proposta waħda hija l-ħolqien ta’ grupp speċjalizzat ta’ maġistrati investigattivi appoġġati minn uffiċjali speċjalizzati. Dan ikun jiżgura li l-inkjesti ma jfixklux ix-xogħol ordinarju tal-qrati u li jsiru investigazzjonijiet f’waqthom u bir-reqqa.
Madankollu, il-kummenti tal-Prim Ministru ma jissuġġerixxux li din hi d-direzzjoni li qed tittieħed. Minflok, donnhom jissuġġerixxu restrizzjonijiet li jirfsu fuq id-drittijiet taċ-ċittadini. Pass bħal dan ikollu riperkussjonijiet serji fuq id-demokrazija u jonqos milli jżomm il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet. It-trasparenza u l-kontabbiltà huma pilastri fundamentali ta’ demokrazija b’saħħitha, u kull attentat biex dawn jitnaqqsu għandu jiltaqa’ ma’ reżistenza qawwija.
Jekk il-gvern hu verament impenjat għall-ġustizzja, għandu jilqa’ l-iskrutinju, mhux jibża’ minnu. Ir-riforma għandha ttejjeb il-proċess ġudizzjarju, mhux issikket leħen iċ-ċittadini ordinarji li qed ifittxu l-verità. F’demokrazija, ħadd—wisq inqas il-gvern—m’hu ’l fuq mil-liġi.