Telf ta’ aktar minn €500 miljun għall-kaxxa ta’ Malta mill-2010
Aktar minn €500 miljun li suppost daħlu fil-kaxxa ta’ Malta bħala taxxa intilfu minħabba dħul mhux dikjarat fl-aħħar għaxar snin. Jirriżulta li bejn l-2010 u l-2020 kien hemm 201,364 individwu li ma preżentawx id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tagħhom bl-istima tal-ammont totali ta’ taxxa dovuta tkun ta’ €533 miljun. Iċ-ċifra xokkanti ġiet żvelata fil-parlament mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fi tweġiba għal sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari mid-Deputat tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi.
L-informazzjoni turi żieda annwali kostanti fin-numru ta’ nies li ma jiddikjarawx id-dħul tagħhom. Analiżi aktar profonda taċ-ċifri turi li kien hemm żieda qawwija bejn l-2017 u l-2019 meta n-numru ta’ dawk li ma ddikjarawx id-dħul tagħhom kien madwar 27,000 fis-sena bit-taxxa fuq id-dħul stmata li tilħaq €105 miljuni fl-2019 biss. Dak li segwa fl-2020 kien pjuttost bla preċedent peress li kien hemm tnaqqis qawwi fid-dħul mhux iddikjarat bin-numru ta’ jinżel eżattament għal 8,000 u l-valur rispettiv fit-taxxa fuq id-dħul dovut għal €33 miljun.
Fit-tweġiba tiegħu, il-ministru tal-finanzi attribwixxa ż-żieda kostanti bejn l-2010 u l-2019 għall-influss ta’ ħaddiema barranin u każijiet li fihom dawk li naqsu milli jissottomettu d-dikjarazzjoni tagħhom għamlu hekk aktar minn sena waħda.
Fir-rigward tal-2020, il-ministru tal-finanzi insista li dan it-tnaqqis f’daqqa kien dovut għal “aġġustamenti” magħmula fis-sistema kompjuterizzata tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Il-bidla kienet ġustifikata minħabba l-influss ta’ ħaddiema barranin li jew ma kinux konxji tal-obbligu tagħhom li jippreżentaw id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tagħhom jew maru lura lejn pajjiżhom qabel ma jagħmlu dan. Konsegwentement, saru “aġġustamenti2 għall-2020 li bihom l-informazzjoni qed tiġi mibgħuta direttament minn min iħaddem.
Mistoqsi dwar il-passi meħuda biex jirkupra dan id-dħul mitluf il-ministru tal-finanzi qal li bejn l-2010 u l-2020, 290,231 individwu ġew immultati talli naqsu milli jippreżentaw dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul jew iħallsu t-taxxa dovuta. L-ammont globali ta’ dawn il-multi kien ta’ €54.3 miljun li kien ferm inqas mit-telf li sofriet il-kaxxa ta’ Malta.
Jirriżulta wkoll li nħarġu €35.6 miljun f’multi talli tħalliet barra parti mid-dħul fid-dikjarazzjoni tat-taxxa. Iċ-ċifri ma jinkludux l-2020 għax l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Skont il-liġi, l-ħlasijiet tard fit-taxxa jiġu penalizzati bl-imgħax. F’dan il-każ, bejn l-2010 u l-2020 din id-dispożizzjoni ġiet applikata fuq 302,300 individwu li minnhom 112,460 biss ħallsu l-imgħax dovut filwaqt li l-bqija kellhom bilanċ pendenti fi tmiem is-sena.