Ir-ritorn ta’ Donald Trump fil-White House bħala s-47 President tal-Istati Uniti kien xokk għal ħafna. Sentejn ilu, it-tieni presidenza ta’ Trump dehret xi ħaġa remota, speċjalment wara l-irvellijiet ta’ Capitol Hill fl-2021-  avveniment li heżżeż il-pedamenti demokratiċi tan-nazzjon. Madankollu, minkejja kollox, Trump irnexxielu jirritorna bil-kbir u issa rebaħ dak li ħafna jqisu bħala l-iktar kariga importanti fid-dinja. Dan ir-riżultat qanqal mistoqsija ovvja: Kif jista’ mexxej li deher bħala theddida għad-demokrazija jsib ruħu lura fl-Oval Office?

Waħda mit-tweġibiet tidher li jinsab fix-xewqa tal-Amerikani għall-bidla — kważi akkost ta’ kollox. Ħafna Amerikani raw fi Trump mhux bħala l-kandidat ideali iżda  imma t-triq biex possibbilment jindirizzaw kwistjonijiet li ħassew li kienu twaddbu taħt it-tapit. Id-diżillużjoni bil-prestazzjoni tal-President Biden jidher li influwenzat b’mod sinifikanti r-riżultat finali. Matul il-presidenza tiegħu, Biden, li fil-bidu kien simbolu ta’ tama, beda jidher dejjem aktar bħala piż għall-partit tiegħu. Id-deċiżjoni tiegħu li jirtira mill-elezzjoni kienet meqjusa minn ħafna tard wisq, partikularment wara l-fjask fid-dibattitu ma’ Trump. L-isforz biex il-kampanja tingħata nifs ġdid b’Kamala Harris bħala figura ċentrali ma ħallietx l-effett mixtieq. Is-sens ta’ frustrazzjoni tal-Amerikani wassal biex kienu attirati mill-wegħdiet kuraġġużi ta’ Trump fuq kwistjonijiet bħall-ekonomija, l-immigrazzjoni, is-sigurtà u l-ordni pubblika, u raw il-politika tiegħu bħala tweġiba diretti għall-isfidi urġenti li għandhom quddiemhom.

Fil-fatt, ir-riżultati tal-elezzjoni juru bidla notevoli fost l-elettorat tal-klassi tal-ħaddiema. Dan il-grupp, li ħass li kien ġie injorat mill-establishment, resaq lejn Trump, għax ħass li kellu iktar il-polz fuq il-problemi u l-isfidi tagħhom. L-isforzi tar-rivali tiegħu u r-retorika dwar Trump bħala razzist jew xi ħadd li joħloq il-firda jistgħu jkun li fl-aħħar mill-aħħar kienu ta’ detriment, u saħansitra għenu biex iżid l-appoġġ fost gruppi li tradizzjonalment ivvutaw lid-Demokratiċi. Pereżempju, xi votanti Latin Amerikani, fosthom immigranta mill-Venezwela stqarret fuq it-televiżjoni li għaliha, “li tkun iebes kontra l-kriminalità u l-abbuż u tagħmel is-soċjetà sigura m’għandux x’jaqsam mar-razza jew il-kulur tal-ġilda.” Għaliha iktar mill-argumenti u l-biżgħat dwar Trump fosthom fuq il-barranin, kien iktar importanti dak li kien qed iwiegħed. Is-sostenituri ta’ Trump, spiss deskritti b’termini qawwija u xi drabi suġġetti għal attakki personali, komplew jiħraxu meta Trump kien deskritt bħala “mentalment instabbli”  jew agħar. Tali diskors mir-rivali politiċi tiegħu spiss kien jidher li qed iwassal sentiment ta’ paniku tal-kamp oppost aktar milli tħassib ġenwin.

Sadanittant, dawk li jagħmlu l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika inħasdu bir-riżultat tal-elezzjoni. L-attitudni kritika tal-midja lejn is-sostenituri ta’ Trump setgħet wasslet biex ħafna votanti jaħbu l-intenzjonijiet tagħhom, speċjalment meta kienu mistoqsija b’mod konvenzjonali lil min kienu se jivvutaw. Il-metodi tradizzjonali jidher li ma tawx piż biżżejjed għas-sentiment qawwi li kien hemm favur il-bidla. Min naħa l-oħra dawk li kienu qegħdin jieħdu kont ta’ fatturi bħal dawn kellhom riżultati li fl-aħħar mill-aħħar kienu eqreb lejn ir-riżultat. Din it-tendenza mhix xi ħaġa li ġrat fl-Amerika biss; l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta rat ħarġet fid-deher diskrepanzi sinifikanti bejn it-tbassir mill-istħarriġ tal-opinjoni pubblika u d-deċiżjoni tal-elettorat. Din id-diskrepanza jista’ jkun ġejja mill-fatt li l-votanti jħossuhom skomdi jew taħt pressjoni jekk se jwieġbu b’ċertu mod.  

Fl-aħħar mill-aħħar, ir-ritorn ta’ Trump fil-White House jindika kemm il-maġġoranza tal-poplu Amerika kien iddisprat għall-bidla. Jekk il-mandat tiegħu se jwassal għal riformi sinifikanti jew joħloq qasma bejn l-Amerikani għad irid ikun magħruf. Għajnejn id-dinja se jkunu qegħdin isewgu dak li se jkun qed jiġri fl-erba’ snin li ġejjin.