Stħarriġ dwar l-infiq tal-familji u l-għoli tal-ħajja
Tnieda stħarriġ importanti dwar l-infiq tal-familji u l-għoli tal-ħajja, li se jkollu wkoll impatt fuq l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA). Il-Household Budgetary Survey (HBS), kif inhu magħruf, se jieħu kampjun ta’ 7,000 familja madwar il-Gżejjer Maltin fuq medda ta’ sena.
Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ, li qed isir mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), se jintużaw fost affarijiet oħra bħala sors ewlieni biex jiġu aġġornati l-piżijiet bażi tal-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut, li jintuża biex ikejjel bidliet fl-inflazzjoni u l-effett eventwali fuq il-qawwa ta’ xiri tal-familji. Dan l-indiċi jintuża wkoll biex tkun kalkulata l-COLA. Fi kliem ieħor, l-istħarriġ se jaġġorna l-indikaturi tal-istil ta’ ħajja li jintużaw biex jitkejjel iż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Dan se jkun l-ewwel HBS mill-2015, li r-riżultati tiegħu kienu ġew ippubblikati tliet snin wara.
Fil-bidu ta’ kull stħarriġ, il-familji jiġu intervistati biex tinġabar informazzjoni bażika dwar il-familja kif ukoll infiq mhux regolari speċifiku li normalment ma jiġix maqbud fuq perjodu ta’ ġimgħatejn. Din il-parti tal-intervista se ssir b’intervisti personali assistiti bil-kompjuter.
Wara l-fażi inizjali, il-familji li jipparteċipaw se jiġu pprovduti b’żewġ djarji u jintalbu jirreġistraw l-ispejjeż ta’ kuljum u dawk okkażjonali fuq perjodu ta’ ġimgħatejn. Matul dan il-proċess, l-intervistaturi se joffru assistenza lill-familji, sabiex tiġi żgurata l-eżattezza tal-informazzjoni rrappurtata. Dan jgħin biex tinżamm il-kwalità tal-informazzjoni miġbura waqt li jnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-familji li qed jieħdu sehem.
Għalkemm bil-liġi l-familji magħżula jridu jieħdu sehem, l-NSO se jagħti €50 lill-familji li jipparteċipaw bħala sinjal ta’ rikonoxximent. L-informazzjoni kollha mistennija tinġabar sa Novembru tas-sena d-dieħla.
L-istħarriġ tal-2015 kien żvela li kull familja nefqet €2,771 aktar milli kienet għamlet fl-2008, bl-akbar nefqa tiġi rrappurtata fuq l-ikel u xorb mhux alkoħoliku. Il-familji bi tfal nefqu aktar fi kważi l-kategoriji kollha, bl-unika eċċezzjoni tkun fil-kategorija tax-xorb alkoħoliku u t-tabakk.
Il-persuni li kienu l-aktar f’riskju ta’ faqar (ARP) kienu dawk li jgħixu f’familji bit-tfal, b’17.9% ikunu f’riskju ta’ faqar. Min-naħa l-oħra, 15.4% tal-persuni li jgħixu fi djar mingħajr tfal kienu f’riskju ta’ faqar. Meta mqabbla mar-riżultati miksuba mill-EU-SILC 2016 – stħarriġ ieħor dwar id-dħul tal-familji mwettaq mill-NSO – iż-żewġ rapporti juru konsistenza. Ir-riżultati tal-EU-SILC wrew li 69,920 persuna (16.5%) kienu f’riskju ta’ faqar, filwaqt li skond l-HBS dawn kienu 70,656 persuna (16.7%).