Il-Parlament Ewropew ivvota biex jipposponi d-dati tal-applikazzjoni għal liġijiet ġodda tal-UE dwar id-diliġenza dovuta u r-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ dwar is-sostenibbiltà.

B’531 vot favur, 69 kontra u 17-il astensjoni, il-MPE appoġġaw il-proposta tal-Kummissjoni li hi parti minn sforzi usa’ ta’ simplifikazzjoni mmirati lejn it-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE.

Ir-regoli l-ġodda dwar id-diliġenza dovuta jirrikjedu li l-kumpaniji jtaffu l-impatt negattiv tagħhom fuq in-nies u l-ambjent. L-istati membri ser ikollhom sena oħra – sas-26 ta’ Lulju 2027 – biex idaħħlu r-regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-estensjoni ta’ sena se tapplika wkoll għall-ewwel grupp ta’ kumpaniji li se jiġu affettwati, jiġifieri: kumpaniji tal-UE b’aktar minn 5,000 impjegat u fatturat nett ogħla minn €1.5 biljun, u kumpaniji mhux tal-UE b’fatturat fl-UE ogħla minn dan il-limitu. Dawn il-kumpaniji se jkollhom japplikaw ir-regoli biss mill-2028. Id-data tal-applikazzjoni se tkun l-istess għat-tieni grupp ta’ kumpaniji: dawk fl-UE b’aktar minn 3,000 impjegat u fatturat nett ogħla minn €900 miljun, u kumpaniji mhux tal-UE b’fatturat fl-UE ogħla minn dak il-limitu.

L-applikazzjoni tad-direttiva dwar ir-rapportaġġ dwar is-sostenibbiltà ukoll se tkun posopsta b’sentejn għat-tieni u t-tielet grupp ta’ kumpaniji koperti mil-leġiżlazzjoni. Il-kumpaniji l-kbar b’aktar minn 250 impjegat se jkunu meħtieġa jirrapportaw dwar il-miżuri soċjali u ambjentali tagħhom għall-ewwel darba fl-2028 għas-sena finanzjarja preċedenti, filwaqt li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kkwotati fuq borża se jkollhom jipprovdu din l-informazzjoni sena wara.

Il-kuntest

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pakkett ta’simplifikazzjoni “Omnibus I” fis-26 ta’ Frar 2025. Flimkien mad-direttiva li tipposponi l-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-rapportaġġ u d-diliġenza dovuta, approvata mill-Parlament, il-pakkett jinkludi wkoll direttiva oħra li tbiddel il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-rapportaġġ dwar is-sostenibbiltà u d-diliġenza dovuta, li l-ħidma fuqha issa se tibda fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament.

Il-passi li jmiss

Biex titħaffef l-adozzjoni tal-miżuri, il-Parlament qabel li jittratta l-file skont il-proċedura urġenti tiegħu. Biex jidħol fis-seħħ, l-abbozz ta’ liġi issa jeħtieġ approvazzjoni formali mill-Kunsill, li approva informalment l-istess test fis-26 ta’ Marzu li għadda.