Smigħ tal-Kummissarju nnominat Glenn Micallef
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni sema’ lil Glenn Micallef, il-kandidat Malti għall-portafoll tal-Ġustizzja Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport, nhar it-Tnejn.
Il-president u l-koordinaturi tal-gruppi politiċi iltaqgħu eżatt wara biex jivvalutaw il-prestazzjoni u l-kwalifiki tal-Kummissarju nnominat. In-nomina tiegħu kienet approvata.
Fid-diskors introduttorju tiegħu, is-Sur Micallef ippreżenta l-pjanijiet tiegħu biex jiżgura l-ġustizzja interġenerazzjonali, jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri, u jiġu protetti ż-żgħażagħ, b’mod partikolari s-saħħa mentali tagħhom. Huwa enfasizza wkoll il-bżonn li jiġu appoġġjati l-industrija kreattiva u s-settur kulturali, b’mod partikolari billi tiġi indirizzata aħjar l-isfida tal-Intelliġenza Artifiċjali. Is-Sur Micallef spjega l-pjanijiet tiegħu biex jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fl-isport, bħala mod kif jippromwovi stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa fost l-Ewropej.
Kultura: kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-artisti u protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur
Il-MPE staqsew lill-Kummissarju nnominat dwar is-segwitu għall-ħidma tal-Parlament dwar is-sitwazzjoni soċjali u professjonali tal-artisti u ħaddiema oħra fis-setturi kulturali u kreattivi. L-indirizzar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena li jaffettwaw il-kompetittività tas-settur huwa prijorità, qal is-Sur Micallef, filwaqt li ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jivvaluta l-lakuni leġiżlattivi li fadal f’dan il-qasam fl-ewwel xahar tiegħu bħala Kummissarju u li jorganizza sessjonijiet ta’ ħidma tematiċi annwali mal-Istati Membri tal-UE.
Il-MPE staqsew ukoll dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għall-kreaturi tal-mużika. Il-kummissarju nnominat wiegħed li jmexxi l-hekk imsejħa “Kumpass tal-Kultura” – qafas strateġiku biex jiġu sfruttati d-dimensjonijiet differenti tal-kultura – li fergħa minn dan il-‘Kumpass’ ikollha l-għan li tindirizza din il-kwistjoni speċifika li tħalli impatt sinifikanti fuq is-settur.
L-isfidi ppreżentati mill-Intelliġenza Artifiċjali u kif jiġi żgurat li s-settur tal-kultura jirċievi appoġġ qawwi mill-baġit tal-UE kienu kwistjonijiet oħra li tqajmu fid-diskussjoni. Il-MPE staqsew ukoll dwar il-pjanijiet tal-Kummissjoni li tiggarantixxi l-libertà artistika tal-espressjoni madwar l-UE.
L-isport: għodda għall-inklużjoni u għal stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa
Il-MPE ressqu wkoll diversi mistoqsijiet iffukati fuq l-isport bħala promotur strateġiku tal-inklużjoni u d-diversità fl-UE, kif ukoll mezz biex jiġu promossi stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa. Huma staqsew lis-Sur Micallef dwar id-dimensjoni professjonali tal-isport, inklużi l-fehmiet tiegħu dwar il-proposta biex titwaqqaf Superleague Ewropea tal-futbol u dwar ir-regoli tat-trasferiment tal-futbol.
Kwistjonijiet oħra mqajma mill-MPE kienu jinkludu r-rispons tal-UE għall-bullying ċibernetiku u l-indirizzar tas-saħħa mentali taż-żgħażagħ, id-drittijiet tat-tfal, u l-qgħad fost iż-żgħażagħ.
Ara r-reġistrazzjoni bil-vidjo tas-seduta sħiħa.
Punt għall-istampa
Fi tmiem is-seduta ta’ smigħ, il-President tal-Kumitat għall-Kultura, is-Sa Nela Riehl, organizzat konferenza stampa barra s-sala tal-laqgħa.
Il-passi li jmiss
Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat, il-Konferenza tal-Presidenti (il-President tal-PE Metsola u l-presidenti tal-gruppi politiċi) mistennija twettaq l-evalwazzjoni finali u tiddikjara s-seduti ta’ smigħ magħluqa fil-21 ta’ Novembru. Ladarba l-Konferenza tal-Presidenti tiddikjara s-seduti ta’ smigħ kollha magħluqa, l-ittri ta’ evalwazzjoni jiġu ppubblikati.
L-elezzjoni mill-MPE tal-kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji (b’maġġoranza tal-voti mitfugħa, b’sejħa nominali) bħalissa hija skedata li ssir matul is-sessjoni plenarja tal-25-28 ta’ Novembru fi Strasburgu.