Skandlu tal-Vitals: Għażliet importanti jekk irridu li ssir ġustizzja
Is-saga tal-ftehim tal-isptarijiet qed tkompli tiżvolgi f’waħda b’aktar intriċċi. Kollox beda madwar l-2015, fost ħafna ftaħir u wegħdi. Qalulna li dan il-ftehim se jġib rivoluzzjoni sħiħa fil-kura tas-saħħa pubblika. Madankollu, disa’ snin wara, insibu ruħna niffaċċjaw realtà kerha: €400 miljun ta’ fondi pubbliċi li ħadd ma jaf fejn marru, konċessjonarju (Steward) li falla, ftehim iddikjarat frawdolenti minn żewġ qrati, proċeduri fil-qorti li jinvolvu akkużi ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni, u issa evidenza li kien hemm attentat biex ikun oskurat l-eks ministru tas-saħħa nnifsu.
Chris Fearne, li ma ninsewx kemm iddefenda b’mod qawwi il-ftehim bħala “the rea deal,” spiċċa taħt protezzjoni parlamentari. Il-biżgħa ta’ Fearne mhux bla bażi; huwa esprima tħassib li dawk li orkestraw kampanja ta’ ħmieġ kontrih jistgħu jżidu l-isforzi tagħhom u jaslu għal kollox. L-aħbar li Steward, il-konċessjonarju bbażat fl-Istati Uniti, alloka €6.5 miljun ta’ flus mit-taxxi tal-poplu biex jiffinanzja din il-kampanja hija kemm xokkanti kif ukoll skoraġġanti. Il-kampanja kellha fil-mira lil Fearne, dak iż-żmien deputat Prim Ministru, u persuni prominenti oħra li għad iridu jiġu identifikati.
Fid-deċiżjoni tiegħu l-Ispeaker Anglu Farrugia mhux biss laqa’ t-talba ta’ Fearne għall-protezzjoni iżda ta struzzjonijiet lill-ministeru għall-affarijiet barranin biex iqajjem il-kwistjoni mal-ambaxxata Amerikana. Dan iqajjem mistoqsijiet leġittimi dwar min eżattament orkestra dan l-eżerċizzju ta’ tajn. Huwa ċar li dan il-ftehim qatt ma kellu jsir. Sa mill-bidu nett anki fil-proċess tas-sejħa għall-offerti, kien hemm xamma ta’ korruzzjoni iżda t-twissijiet ġew injorati. Għal snin sħaħ, figuri prominenti tal-gvern iddefendew il-ftehim bil-qawwa, u skreditaw lil kull min qajjem tħassib, inkluża l-UHM Voice of the Workers, li kienet talbet investigazzjoni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
Issa wasalna f’punt fejn kulħadd qed jaqbel li l-ftehim kien maħsub ħażin u korrott fil-qalba tiegħu. Anke dawk li darba ddefendewha m’għadhomx jikkontestaw dan il-fatt. Il-mistoqsija kritika issa hija jekk dawk involuti humiex lesti li jikxfu kollox. Huma qed jiffaċċjaw għażla delikata: jew jibqgħu iżommu kollox mistur bir-riskju tal-konsegwenzi li dan iġorr miegħu, jew ikollhom il-kuraġġ u jgħidu l-verità biss fl-interess tagħhom li jevitaw konsegwenzi agħar imma l-aktar importanti biex għallinqas ipattu għal-għemilhom u jgħinu ssir ġustizzja.
Dan il-ftehim qarraq liċ-ċittadini Maltin kollha, speċjalment lill-pazjenti tal-isptarijiet li kienu mwiegħda kura tas-saħħa aħjar iżda baqgħu b’xiber imnieħer. Huwa imperattiv li ssir ġustizzja, u dawk responsabbli jieħdu dak li ħaqqhom. Il-poplu Malti jixraqlu t-trasparenza u l-kontabbiltà, u din is-saga trid isservi ta’ lezzjoni għal mod kif jitħaddmu l-assi pubbliċi u flus il-poplu.