Sistema parlamentari ta’ mitt sena ilu!
Hekk kif il-Parlament jerġa’ jiltaqa’ wara l-vaganzi tas-Sajf għal wieħed mill-aktar perjodi impenjattivi tas-sena, iddominat mill-Budget, huwa importanti li nirrifflettu fuq l-implikazzjonijiet ta’ kif jaħdem il-korp leġiżlattiv tagħna. Filwaqt li d-dibattiti u d-diskussjonijiet li ġejjin żgur se jattiraw l-attenzjoni pubblika, hemm kwistjoni aktar inkwetanti li qed tibqa’ tiġi injorata—mudell parlamentari antik li baqa’ l-istess mill-bidu tiegħu iktar minn mitt sena ilu.
Il-Parlament ta’ Malta, għadu dak li kien twaqqaf mill-Ingliżi fl-1921,. Inkredibbli kif il-Membri Parlamentari tagħna għadhom mhumiex full-time, minkejja l-fatt li Malta hi membru tal-UE, fejn il-maġġoranza tal-membri b’Membri Parlamentari full-time għal diversi snin. L-unika eċċezzjoni f’Malta tapplika għall-membri tal-eżekuttiv, filwaqt li l-l-kumplament jippruvaw ilaħħqu bejn ir-responsabbiltajiet pubbliċi tagħhom u l-impjiegi jew il-professjoni tagħhom. Din is-sitwazzjoni mhix biss ilha ħafna tkarkar u m’għadhiex tagħmel sens imma f’demokrazija moderna mhux sostenibbli.
Kif tista’ Malta, stat membru tal-UE, titmexxa fuq bażi part-time? Mhux ta’ b’xejn li l-maġġoranza tal-parlamenti fl-UE ilhom bil-membri full-time għax jirrikonoxxu l-importanza u l-ħtieġa li tal-impenn assolut biex ikun hemm governanza tajba. Min-naħa l-oħra, Malta għażlet mudell ta’ kwantità fuq kwalità. Il-Parlament tagħna, li issa qabeż it-80 deputat f’pajjiż b’popolazzjoni ta’ nofs miljun, mhux biss hu esaġerat iżda ineffettiv. Minflok ħloqna mudell effiċjenti b’rappreżentanti full-time, ħallejna l-Parlament jespandi mingħajr titjib fil-kwalità tal-governanza.
Din iż-żieda esaġerata fin-numru ta’ deputati ma wasslet la għal demokrazija aktar b’saħħitha u lanqas għal gvern aktar effiċjenti. Fir-realtà, dgħajjifna r-rwol tar-rappreżentanti tagħna. Agħar minn hekk, ħafna drabi d-deputati tagħna m’għandhomx ir-riżorsi meħtieġa u jiddependu fuq il-voluntiera—sitwazzjoni li tista’ tagħmilhom vulnerabbli għal kunflitti ta’ interess. Għal istituzzjoni demokratika daqshekk kruċjali bħall-Parlament, tali nuqqasijiet huma inaċċettabbli.
Wasal iż-żmien għal riforma kbira. Malta għandha bżonn deputati full-time li jistgħu jiddedikaw l-attenzjoni sħiħa tagħhom għall-kwistjonijiet urġenti tal-ġurnata, kemm jekk fuq l-ekonomija, l-ambjent, jew il-ġustizzja soċjali. Parlament iżgħar b’deputati aktar mgħammra bir-riżorsi jkun ferm aktar effettiv milli l-istruttura eżistenti. Din ir-riforma ilha tiġi diskussa għal għexieren ta’ snin, iżda għal raġunijiet li għadhom mhux ċari, l-ebda gvern ma ħa l-pass kuraġġuż biex jimplimentaha. Forsi l-klassi politika tinsab komda b’sistema li tittratta s-servizz parlamentari bħala impjieg part-time jew mezz biex wieħed ikollu aċċess għal ċrieki ta’ poter u xejn iktar?
Il-Parlament huwa l-pedament tad-demokrazija tagħna, u jistħoqqlu ferm aktar milli jiġi trattat bħala xi ħaġa part-time. Hekk kif nidħlu f’wieħed mill-aktar perjodi impenjattivi tal-kalendarju parlamentari, l-enfasi m’għandux ikun biss fuq il-budget iżda fuq riforma biex is-sistema leġiżlattiva ta’ Malta tilħaq dik tal-kumplament tal-Ewropa.
Jekk verament nemmnu li l-politika hija servizz, wasal iż-żmien għal Membri Parlamentari full-time.