© European Union 2024 – Source : EP

Roberta Metsola rebħet l-elezzjoni fl-ewwel ċiklu ta’ votazzjoni, fejn irċeviet maġġoranza assoluta ta’ 562 vot mitfugħa minn 699 permezz ta’ votazzjoni sigrieta fil-forma ta’ karta, fost żewġ kandidati. Hija se tkompli tmexxi l-Parlament għall-ewwel sentejn u nofs tal-għaxar leġiżlatura.

Riżultati tal-votazzjoni

  1. Roberta Metsola (PPE, MT) 562
  2. Irene Montero (Xellug, ES) 61


Total ta’ voti mitfugħa: 69

Voti vojta jew invalidi: 76

Maġġoranza assoluta meħtieġa: 312

Roberta Metsola

Roberta Metsola, li twieldet fl-1979 u ilha Membru tal-Parlament Ewropew mill-2013. Hija ġiet eletta l-Ewwel Viċi President f’Novembru 2020, u kienet l-aġent President tal-Parlament wara li miet il-President Sassoli fil-11 ta’ Jannar 2022. Fit-18 ta’ Jannar 2022, ġiet eletta President għat-tieni nofs tad-disa’ leġiżlatura. Hija t-tielet President mara tal-Parlament Ewropew, wara Simone Veil (1979-1982) u Nicole Fontaine (1999-2002).

Meta kienet qed tindirizza l-Kamra wara li ġiet eletta, il-President Metsola qalet: “Flimkien, irridu niddefendu l-politika tat-tama, għall-ħolma li hija l-Ewropa. Irrid li n-nies jerġgħu jiksbu sens ta twemmin u entużjażmu għall-proġett tagħna. Twemmin biex l-ispazju kondiviż tagħna jsir aktar sikur, aktar ġust u aktar ugwali. Twemmin li flimkien aħna aktar b’saħħitna u aħjar. Twemmin li l-Ewropa tagħna hija Ewropa għal kulħadd.”

Ara d-diskors kollu hawn.


Dwar il-President tal-Parlament

Il-President igawdi minn firxa wiesgħa ta’ setgħat eżekuttivi u rappreżentattivi stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura. Minbarra dawn id-dmirijiet, l-awtorità tal-President testendi għas-“setgħat kollha li huma meħtieġa biex jippresjedu l-proċedimenti tal-Parlament u biex jiżguraw li dawn jitmexxew kif xieraq”.

L-Artikolu 14 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Parlament jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-Membri tiegħu. Mill-ewwel elezzjonijiet Ewropej (suffraġju universali) fl-1979, kull President kien fil-kariga għal perjodu ta’ sentejn u nofs li jista’ jiġġedded. Dan ifisser li jista’ jkun hemm żewġ Presidenti f’kull leġiżlatura. Kien hemm 31 president minn meta nħoloq il-Parlament fl-1952, li 17 minnhom servew mill-1979.