Produzzjoni ta’ new water ma laħqitx il-mira tal-2021
Il-produzzjoni ta’ new water fl-aħħar sentejn laħqet il-1.6 miljun metru kubu fis-sena, li hija inqas minn terz tal-mira li kienet għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma ftit snin ilu.
Il-kwistjoni reċentement tqajmet f’mistoqsija parlamentari mid-Deputat tal-Oppożizzjoni Janice Chetcuti lill-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli. In-new water huwa t-terminu użat għall-produzzjoni ta’ ilma addattat għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’ minn impjanti tas-tisfija tad-drenaġġ li jinsabu f’Ta’ Barkat fix-Xgħajra, fiċ-Ċumnija fil-Mellieħa u Ras il-Ħobż f’Għajnsielem. Il-bdiewa għandhom aċċess għal dan l-ilma permezz ta’ sistema ta’ distribuzzjoni apposa f’zoni rurali. Għalkemm hemm ħlas ta’ €0.20 għal kull metru kubu ta’ ilma, dan huwa applikabbli biss ’il fuq minn ċertu kwota li hi proporzjonali mad-daqs tar-raba.
Jirriżulta li bejn l-2020 u l-2023 l-ammont totali ta’ new water prodott kien stabbli u varja bejn 1.4 miljun metru kubu fl-2020 u 2021 għal 1.6 miljun metru kubu fis-sentejn ta’ wara. Fis-snin ta’ qabel il-produzzjoni kienet bdiet minn 129,000 metru kubu fl-2017 għal 562,000 fl-2018 sa 868,000 fl-2019. Fit-tweġiba tagħha, il-ministru tal-enerġija innotat li in-new water kien parti mill-pjan tal-gvern biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-ilma tal-pjan filwaqt li appellat lill-bdiewa biex jagħmlu użu tajjeb minn din ir-riżorsa.
Madankollu, il-livelli ta’ produzzjoni annwali huma ferm inqas mill-ammont ikkwotat fil-websajt tal-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma li tmexxi s-sistema. Skont il-website il-produzzjoni ta’ new Water kellha tilħaq produzzjoni annwali ta’ 7 miljun metru kubu u kien se jkollha l-kapaċità li potenzjalment tindirizza sa 35% tad-domanda totali tal-ilma tas-settur agrikolu. Din il-mira kellha tintlaħaq sal-2021.
Dan il-portal talab spjegazzjoni mill-Ministeru tal-Enerġija għaliex din il-mira ma kinitx intlaħqet. Barra minn hekk, intbagħtu wkoll mistoqsijiet dwar xi kummenti li għaddew ċertu bdiewa li qalu li n-new water huwa ‘fqir’ f’ċerti minerali u nutrijenti li huma essenzjali għall-uċuħ tar-raba’. F’dan ir-rigward, dan il-portal huwa infurmat li xi bdiewa jħalltu n-new water ma’ ilma tal-pjan għax inkella jibżgħu minn ħsad ħażin. Madankollu, sal-ħin li nkitbet din l-istorja ma waslet l-ebda tweġiba mill-ministeru.