Premju Sakharov 2024: preżentati l-kandidati
Gruppi politiċi ppreżentaw il-kandidati tagħhom għall-Premju Sakharov 2024 waqt laqgħa tal-kumitat konġunt. It-tliet finalisti se jintgħażlu f’Ottubru. Il-kandidati għall-Premju Sakharov 2024, l-ogħla ġieħ mogħti mill-UE lill-ħidma dwar id-drittijiet tal-bniedem, huma:
- María Corina Machado bħala l-mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela u l-President elett Edmundo González Urrutia, li tirrappreżenta lill-Venezwelani kollha ġewwa u barra l-pajjiż li qed jiġġieldu għal-libertà u d-demokrazija fil-Venezwela, nominati mill-grupp PPE;
- “Women wage peace” u “Women of the sun” u l-ko-fundaturi tagħhom Yael Admi u Reem Hajajreh, Iżrael/Palestina, nominati mill-grupp S&D;
- Elon Musk, l-Istati Uniti, nominat mill-grupp Patriots for Europe;
- Edmundo González Urrutia, il-Venezwela, nominat mill-grupp ECR;
- Women Wage Peace & Women of the Sun, Iżrael/Palestina, nominati mill-grupp Renew Europe;
- Dr Gubad Ibadoghlu, Ażerbajġan, nominat mill-grupp The Greens/EFA;
- Ġurnalisti fil-Palestina (Hamza & Wael Al-Dahdouh, Plestia Alaqad, Shireen Abu Akleh u Ain Media ad unur Yasser Murtaja & Roshdi Sarraj), il-Palestina, nominati mill-grupp The Left;
- Elon Musk, l-Istati Uniti, nominat mill-grupp tal-Ewropa tan-nazzjonijiet Sovrani.
Il-kandidati ġew ippreżentati f’laqgħa konġunta li saret mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, is-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kumitat għall-Iżvilupp.
Sfond u passi li jmiss
Mogħti għall-ewwel darba fl-1988 lil Nelson Mandela u Anatoli Marchenko, il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb huwa l-ogħla ġieħ mogħti mill-Unjoni Ewropea lill-ħidma tad-drittijiet tal-bniedem. Dan jagħti rikonoxximent lil individwi, gruppi u organizzazzjonijiet li taw kontribut eċċellenti biex jipproteġu l-libertà tal-ħsieb. Jippromwovi l-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet tal-minoranzi, ir-rispett tad-dritt internazzjonali, l-iżvilupp tad-demokrazija u l-implimentazzjoni tas-saltna tad-dritt. Fl-2023, il-premju ngħata lil Jina Mahsa Amini u l-Moviment Woman, Life, Freedom fl-Iran.
Fis-17 ta’ Ottubru, se titfassal lista qasira ta’ tliet kandidati permezz ta’ votazzjoni mill-kumitati għall-Affarijiet Barranin u l-Iżvilupp. Ir-rebbieħ finali jew ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov jintgħażlu mill-Konferenza tal-Presidenti, korp tal-Parlament Ewropew immexxi mill-president, li jinkludi l-mexxejja tal-gruppi politiċi kollha rappreżentati fil-Parlament, u b’hekk l-għażla tar-rebbieħa tkun għażla tassew Ewropea. Din is-sena, il-Konferenza tal-Presidenti se tagħżel ir-rebbieħa rebbieħa fl-24 ta’ Ottubru. Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni se ssir fit-18 ta’ Diċembru, waqt seduta plenarja fi Strasburgu.