Pragmatiżmu mhux preġudizzju
Stħarriġ riċenti qiegħed juri tħassib dejjem jikber fost il-popolazzjoni Maltija: iż-żieda qawwija fil-ħaddiema barranin. Għal snin twal, dawk li kienu jesprimu dan it-tħassib kienu spiss ikkritikati jekk mhux mgħajra bħala xenofobi. Madankollu, dan l-atteġġjament qisu nbidel. Filwaqt li hu importanti li nikkundannaw kull forma ta’ diskriminazzjoni jew tip ta’ twemmin li l-barranin għandhom jiġu trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi, is-sitwazzjoni teħtieġ diskussjoni iktar fil-fond.
F’pajjiż żgħir b’waħda mill-ogħla densitajiet tal-popolazzjoni fid-dinja, il-konsegwenzi ta’ influss f’daqqa ta’ nies jistgħu jkunu profondi. Fl-aħħar għaxar snin, Malta rat żieda drastika fil-ħaddiema barranin, minn 20,000 għal iktar minn 100,000. Din it-trasformazzjoni affettwat b’mod sinifikanti s-suq tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja. Sfortunatament, id-diskussjoni fuq dan is-suġġett spiss kienet polarizzata, bejn dawk li jridu lil Malta mingħajr ħaddiema barranin u dawk li jemmnu li għandna bżonn iktar ħaddiema barranin.
Aħna nemmnu li ż-żewġ veduti huma estremi. Eżempju ċar hu s-settur tas-saħħa: filwaqt li l-ħaddiema barranin kienu kruċjali biex jindirizzaw nuqqasijiet ta’ ħaddiema fl-immedjat, m’għandhomx ikunu s-soluzzjoni fit-tul. X’ġiegħel lill-ħaddiema Maltin ma jibqgħux jersqu daqstant lejn is-settur tas-saħħa? Għaliex ħafna professjonisti Maltin qed ifittxu opportunitajiet barra? Dawn huma mistoqsijiet li jeħtieġu analiżi aktar fil-fond.
Bl-istess mod, setturi bħat-turiżmu, il-kostruzzjoni, il-manifattura, u anke l-platform economy qed isiru dejjem iktar dipendenti fuq ħaddiema barranin. Huwa verament il-każ li l-ħaddiema Maltin m’għadhomx interessati f’dawn l-industriji, jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol sejrin lura sal-punt li dawn ix-xogħlijiet m’għadhomx attraenti? Għandna, bħala soċjetà, insiru dipendenti fuq cheap labour, li potenzjalment qed iniżżel il-pagi u l-kwalità tax-xogħol?
Iż-żieda fil-popolazzjoni hi kwistjoni kumpless. Hekk kif l-infrastruttura qed titpoġġa taħt pressjoni qawwija, il-kwalità tal-ħajja sejra lura. Filwaqt li kien hemm Maltin li għamlu profitt billi jikru l-proprjetajiet tagħhom lil ħaddiema barranin, ħafna oħrajn qed ibatu biex iħallsu għall-ewwel dar tagħhom, aħseb u ara biex jixtru t-tieni waħda. L-argument ta’ xi wħud li l-maġġoranza tal-Maltin qed jibbenefikaw minn din is-sitwazzjoni, għax għandhom it-tieni propjetà li qed tinkera, hu wieħed ġeneralizzat u ma jirriflettix il-verità soċjoekonomika tal-maġġoranza tal-poplu.
Wasal iż-żmien li din il-kwistjoni nħarsu lejha b’mod onest u analitiku. Iva, kull attentat li din il-kwistjoni tintuża biex tiffomenta r-razziżmu jew xenofobija għandu jkun kundannat, iżda ma nistgħux lanqas inħalluha ssir suġġett tabù. Is-sitwazzjoni attwali ta’ Malta mhux sostenibbli, iżda l-bidla ma tistax sseħħ mil-lejl għal nhar. Jeħtieġ strateġija gradwali u meqjusa li fil-ħolqien tal-impjiegi tagħti prijorità lill-kwalità aktar milli l-kwantità. Irridu nħeġġu lill-ħaddiema Maltin jirritornaw f’setturi ewlenin filwaqt li niżguraw li l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jagħmlu dawn l-industriji attraenti għal darb’oħra.
Il-futur ta’ Malta m’għandux jiddependi fuq estremi. Minflok, jeħtieġ soluzzjonijiet prattiċi li jirrikonoxxu l-valur li l-ħaddiema barranin iġibu magħhom filwaqt li jindirizzaw it-tħassib leġittimu dwar il-popolazzjoni, l-infrastruttura, u t-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema Maltin. Ejja nbiddlu din id-diskussjoni minn waħda ta’ diviżjoni għal waħda ta’ soluzzjonijiet kostruttivi u fit-tul.