L-aħbar li se jiġi installat alarm fi Pjazza San Ġorġ, Ir-Rabat Għawdex, biex tinforma lill-ħwienet li jridu jneħħu l-imwejjed u s-siġġijiet biex tkun tista’ tgħaddi ambulanza hi waħda f’xifer l-assurdità. Ta’ min jistaqsi: kif wasalna f’din is-sitwazzjoni fejn alarm qed jintuża biex javża dwar sirena ta’ ambulanza?

L-ambulanzi diġà jkollha sirena – ħoss universalment rikonoxxut bħala sinjal ta’ emerġenza biex iwissi lis-sewwieq u lill-pubbliku. Imma jidher li fi pjazza li issa saret sinonima ma’ ristoranti fil-miftuħ din is-sirena m’għadhiex biżżejjed. Is-soluzzjoni naturali x’inhi? Mhux infurzar jew regolamentazzjoni ta’ kif jitqassam l-ispazju. Imma minflok morna għal soluzzjoni oħra: alarm għax is-sirena tal-ambulanza qed tiġi injorata. Sitwazzjoni kważi komika imma li fir-realtà hi  perikoluża.

Il-qofol tal-problema hi il-ħtif sistematiku ta’ dan l-ispazju pubbliku. Pjazza San Ġorġ saret simbolu tal-mod kif ir-rgħiba rebħet fuq id-dritt tal-poplu. Dak li darba kien spazju ċiviku, quddiem bażilika storika, illum spiċċa f’wieħed li jservi primarjament l-interessi kummerċjali. Imwejjed, siġġijiet, umbrelel – kollha mqiegħda mingħajr konsiderazzjoni ċara għall-aċċessibbiltà, għal każijiet ta’ emerġenza, jew għad-dritt sempliċi taċ-ċittadin li juża spazju pubbliku mingħajr xkiel.

Dan l-arranġament mhux biss assurd imma perikoluż. L-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li jinsab biss ħames minuti ’l bogħod, se jdoqq dan l-alarm jekk ambulanza teħtieġ aċċess. Ħames minuti li matulhom il-klijenti jridu jqumu, l-imwejjed jitneħħew, u ssir triq – bil-għan li tgħaddi vettura tal-emerġenza – dan jekk l-alarm jaħdem kif suppost, l-pjazza ma tkunx mimlija sa ruħ ommha. Kull sekonda mitlufa tista’ tfisser ħajja mitlufa. Minflok qegħdin insibu soluzzjonijiet, qed noħolqu ostakli ġodda.

Din is-soluzzjoni tikxef problema ħafna aktar profonda: nuqqas ta’ rieda jew kapaċità tal-awtoritajiet li jsaħħu r-regolamentazzjoni tal-ispazji pubbliċi. Is-soluzzjoni ovvja hija li jkun hemm passaġġ dejjem aċċessibbli għall-vetturi tal-emerġenza – xi ħaġa fattibbli permezz ta’ ppjanar serju u infurzar xieraq. Ħadd mhu kontra li jkun hemm siġġijiet u imwejjed fil-pjazza. Imma dan irid isir b’mod bilanċjat, regolamentat, u dejjem bl-ewwel prijorità tkun is-sigurtà pubblika.

Sfortunatament, il-masterplan għal din il-pjazza għadu ma jidher imkien. Iktar ma jdum, aktar inkunu qed nispiċċaw b’soluzzjonijiet li jmissu mal-assurdità. Masterplan għandu jkun pjan veru – strateġija li tirrispetta l-funzjonijiet storiċi, ċiviċi u ta’ emerġenza tal-pjazza, mhux skuża biex tibqa’ kif inhi.

Imma l-problema mhix limitata għal Għawdex. Madwar Malta u Għawdex, spazji pubbliċi u lokalitajiet sħaħ qed jispiċċaw ostaġġ biex jakkomodaw attivitajiet kummerċjali u ta’ divertiment. Il-Floriana hu kas tipiku fejn ir-residenti ikollhom ibatu l-konsegwenzi ta’ avvenimenti kbar li jsiru fuq il-Fosos. Storbju, folla, nuqqas ta’ aċċess, latrini fit-toroq, spazji magħluqin għal ġranet sħaħ – kollha f’isem “attività ekonomika” u “divertiment”.

Ir-residenti jsibu ruħhom priġunieri fi djarhom stess. L-ordni pubbliku jispiċċa t-tieni prijorità. U min juri tħassib jew jagħmel xi forma ta’ kritika malajr jispiċċa deskritt li hu kontra n-negozju. Dan mhux biss inġust, imma diskors żbaljat. Li titkellem favur bilanċ, favur id-dritt għall-kwiet, għas-sigurtà u għad-dinjità pubblika mhuwiex kontra n-negozju. Hu favur il-komunità.

Jeħtieġ li nieqfu nkejlu s-suċċess biss fuq kemm jinġabru nies u kemm iddur ir-rota ekonomika. Il-veru suċċess ta’ lokalità jitkejjel ukoll bil-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu fiha. Spazji pubbliċi m’għandhomx isiru l-vittmi fit-tellieqa għall-profitti.

Wasal iż-żmien li nħarsu b’serjetà kif nittrattaw il-pjazez tagħna, it-toroq u l-komunitajiet tagħna. L-ispazji pubbliċi mhumiex tabula rasa biex jimtlew bl-imwejjed u s-siġġijiet. Huma wirt kollettiv u parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum – postijiet fejn niltaqgħu, nistrieħu, nieħdu nifs, u iva, anke nsalvaw il-ħajjiet meta jkun hemm bżonn. Għandna d-dmir li nirbħuhom lura – għalina u għal dawk li ġejjin warajna.