Pestiċidi: L-ebda fdalijiet ta’ prodotti pprojbiti mill-UE fl-ikel importat
Żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jippermettu livelli ta’ fdalijiet ta’ diversi pestiċidi pprojbiti fl-UE, fl-ikel importat, tpoġġew għall-vot mill-Parlament.
Il-Parlament ċaħad żewġ proposti tal-Kummissjoni li jippermettu tolleranzi ta’ importazzjoni (magħrufa wkoll bħala livelli massimi ta’ residwi) għal cyproconazole u spirodiclofen fi jew fuq kwantità kbira ta’ prodotti bħal ċereali, żrieragħ, laħam, fwied u kliewi kif ukoll għal benomyl, carbendazim u thiophanate‐ metil fi jew fuq ċerti prodotti bħal-lumi u mandolin. L-użu ta’ dawn il-pestiċidi kollha huma diġà pprojbiti fl-UE.
Ir-riżoluzzjonijiet li jakkumpanjawhom jenfasizzaw li l-prodotti agrikoli importati minn pajjiżi mhux tal-UE għandhom isegwu l-istess standards bħall-prodotti prodotti fl-UE biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi. Li jitħallew livelli massimi ta’ residwi ogħla għall-importazzjoni jipperikolaw ukoll is-saħħa taċ-ċittadini fl-Ewropa u fil-pajjiżi produtturi.
522 MPE vvutaw favur l-oġġezzjoni għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar cyproconazole u spirodiclofen, 127 kontra u 28 astjenew.
Għal benomyl, carbendazim u thiophanate‐methyl, 516-il MPE vvutaw favur l-oġġezzjoni, 129 kontra u 27 astjenew.
Maġġoranza assoluta ta’ mill-inqas 359 MPE kienet meħtieġa biex jiġu rrifjutati d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.
Il-passi li jmiss
Il-Kummissjoni issa trid tirtira l-proposti tagħha. Il-MPE jappellaw lill-Kummissjoni biex tressaq abbozz ġdid li jbaxxi l-livelli massimi ta’ residwi kollha (l-inqas ammont li fih jista’ jiġi skopert) jew il-valur awtomatiku ta’ 0.01 mg/kg għall-użi kollha u biex tirrifjuta kwalunkwe talba għat-tolleranzi tal-importazzjoni.